Thursday, December 26, 2024

“Dak li ġara din is-sena fil-baħar hu stramb u mhux soltu jkollna temperaturi daqstant għoljin”  

Il-Professur Alan Deidun jgħid li dan jista' jwassal għal maltempati kbar

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem rajna kif żoni fil-Mediterran intlaqtu minn temperaturi għoljiin. Rajna ukoll kif għadd ta’ żoni fil-Mediterran fosthom fi Spanja, Franza, l-Italja u l-Greċja inħakmu ukoll minn nirien, li wasslu biex għadd imdaqqas ta’ persuni kellhom iħallu djarhom. Diversi pajjiżi fosthom fl-Italja qegħdin naraw ukoll xmajjar li naqsilhom sew il-livell tal-ilma.  Mhux biss imma issa għall-ewwel darba qegħdin nisimgħu b’mod konsistenti u dan qed jgħiduh ukoll il-mexxejja, li l-bidla fil-klima toqtol. Filfatt kien il-Prim Ministru Spanjol, Pedro Sanchez li ddikjara li “il-bidla fil-klima qed toqtol. Issa qed naraw kif din qed toqtol lin-nies. Qed toqtol l-ekosistemi. Qed toqtol il-biodviersità. Qed tkisser u teqred affarijiet li għas-soċjetà tagħna huma għeżiez bħad-djar, n-negożji u l-annimali tagħna”.  Huma diversi dawk ix-xjenzati li fl-aħħar jiem u ġimgħat ikkummentaw fuq li hu nkwetanti li fil-Mediterran mhux biss qed naraw temperaturi aktar għoljin imma qegħdin naraw taħlita ta’ żieda fit-temperatura u nixfiet”. Fi kliem id-Direttur tar-Riċerka għall-Istitut tal-Mediterran għall-Biodiversità, Wolfgang Cramer, dan qed jimbotta lir-reġjun lejn il-limiti tas-sostenibbilità tas-sistema agrikola.  Hu fatt li qed jiġi esperjenzat li għadd ta’ bdiewa li jkabbru l-għeneb u ż-żebbuġ fi Spanja qegħdin jesprimu tħassib li n-niixfa se twassal biex il-produzzjoni tagħhom se tkun ferm inqas minn snin oħra.

U proprju fl-aħħar jiem, rajna fenomenu ieħor marbut mal-bidla fil-klima. Dan hu dak li anke it-temperaturi tal-baħar qegħdin juru bidliet, tant li fl-aħħar ta’ Lulju, kuntrarju għal dak li kien jiġri qabel, rajna żoni fil-punent tal-baħar Mediterran li esperjenzaw temperaturi għoljin ħafna u li mhux normali li jilħqu dawk il-livelli fl-aħħar ta’ Lulju. 

Dan ovvjament, għandu l-effetti negattivi tiegħu b’mod partikolari fuq il-biodiversità imma mhux biss, għax temperaturi aktar għoljin tal-baħar jistgħu jwasslu għal meltempati kbar.  

Talk.mt tkellmet mal-Professur Alan Deidun dwar il-fenomenu ta’ temperaturi għoljin fil-baħar fl-aħħar ta’ Lulju, xi ħaġa li mhix komuni. Hu qalilna li “dak li ġara din is-sena hu stramb aktar mis-soltu. Dan għax is-soltu it-temperaturi għoljin jibdew mil-lvant tal-Mediterran. Il-baħar Mediterran, aktar ma timxi lejn il-lvant aktar ikun sħun. Din id-darba ġara li fl-aħħar ta’ Lulju ġew esperjenzati temperaturi għoljin fil-punent tal-baħar Mediterran. Dawn ġew esperjenzati f’Ġenova, Korsika u lejn Franza. Dawn esperjenzaw temperaturi tal-baħar li laħħqu il-31 grad celsius. Huma mhux imdorrijin b’dawn il-temperaturi u dawn jibdew iħallu ċertu effetti  negattivi fosthom fuq il-qroll.”

Jiddikjaraw li “anki l-baħar f’Malta kellu temperatura li kienet viċin it-30 grad celcius u xi drabi inqabżet ukoll. Issa din li t-temperatura tal-baħar tilħaq it-30 grad celsius u taqbżu ma kinitx tiġri spiss.  Dan l-aħħar ħames snin rajniha tiġri u meta s-soltu ssir f’Awwissu jew Settembru issa rajniha sseħħ fl-aħħar ta’ Lulju.”

Jenfasizza li “dan kollu jurik li s-sħana fil-baħar Mediterran qiegħda tiżdied. Trid iżżomm f’rasek li l-baħar Mediterran jassorbi s-sħana tal-arja. Issa qegħdin naraw ukoll fenomenu ieħor u dan hu dak li l-ilma sħun, li jkun fil-wiċċ tal-baħar qed dejjem ikollu saff eħxen. Dan għandu impatt fuq għadd ta’ speċi speċjalment dawk li jkunu imwaħħlin mal-blat. Dawn jibdew jimxu u jfittxu baħar aktar fond. Wieħed irid iżomm f’rasu ukoll li baħar aktar sħun, ikollu impatt fuq għadd ta’ ħut u dan għax f’baħar aktar sħun ikun hemm inqas ossiġnu. Speċi li għandhom bżonn l-ossiġnu jibdew ifittxu aktar fondi fosthom ir-rizzi”.

Nistennew impatti oħra bħal maltempati kbar

Il-Professur Alan Deidun jgħidilna ukoll li “l-fatt li qed ikollna baħar aktar sħun jista’ jwassal ukoll għal maltempati kbar minħabba kurrent kiesaħ mill-punent jew majjistral. Hemm ukoll fenemonu ieħor tropikali u dan għax minħabba li l-baħar qed jisħon aktar qed jiġu speċi aljeni u  dawn qed jiżdiedu.  Dawn issa qed jitkattru sew u ċertu speċi aljeni saru komuni.  Hemm imbagħad speċi aljeni li qed jitkattru b’mod mgħaġġel ħafna u dawnsaru invażivi għax qed jaffettwaw speċi indiġeni. Fost dawn hemm speċi ta’ ġranċ li infirex minn Wied il-Għajn tul il-kosta kollha tal-lvant u anke insibuh f’Għawdex.  Li hu żgur illum hu li għandna bidliet konwinwi madwarna. Fid-dinja dejjem kien isir it-tibdil imma issa qed isir b’mod mgħaġġel ħafna”.

Irrid nibqgħu insegwu dak li qed isir

Jisħaq li “fiż-żmien li ġej l-impatti se nibdew narawhom u se nibqgħu nesperjenzaw kambjamenti.  Per eżempju anke f’Marzu rajna fenomenu ieħor fejn it-temperatura tal-baħar niżlet aktar mis-soltu u waqgħet taħt il-15-il grad celsius. Irrid inkomplu għaddejjin b’monitoraġġ kontiwnu biex nippruvaw nifhmu l-kambjamenti li qed isiru. Irridu noqogħdu attenti u naraw kif dawn se jaffettwaw il-ħut b’mod partikolari dak il-ħut li jinqabad mis-sajjieda. Irridu naraw dawn it-temperaturi għoljin u l-bidiet li qed iseħħu kif se jaffettwaw ħut li qed ipassi bħal lampuki”.

Ekonomija

Sport