Tuesday, December 24, 2024

Dalwaqt missjoni spazjali Amerikana mingħajr astronawti

Aqra wkoll

L-esplorazzjoni spazjali kienet ħolma li bdiet u seħħet għexieren ta’ snin ilu u minkejja li għamlet perijodu fejn traqqdet xi ftit, l-interess ta’ inżul il-bnieddem fuq il-wiċċ il-qamar qed jerġa’ jitqanqal hekk kif it-tekoloġija kompliet tespandi u tilħaq limiti bla tmiem..

Fil-fatt, l-aġenzija spazjali Amerikana Nasa għadha kif lestiet rokit ġdid ġgantest u qed tippreparah għall-ewwel vjaġġ tiegħu lejn wiċċ il-qamar.

Magħrufa bħala Space Launch System (SLS), il-vettura spazjali ttieħdet lejn Pad 39B fiċ-Ċentru Spazjali Kennedy fi Florida għat-tluq skedat għad-29 ta’ Awwissu.

Din l-avventura debuttanti se ssevi ta’ test mingħajr ekwipaġġ abbord, iżda bil-ħsieb li missjonijiet futuri jibagħtu astronawti lura fuq il-wiċċ Lunari għall-ewwel darba f’aktar minn 50 sena.

Dan ir-rokit huwa ta’ madwar 100 metru għoli (328ft) u beda jiġi mċaqlaq mill-bini tal-assemblaġġ tiegħu f’Cape Kennedy tard t-Tlieta filgħaxija ħin Amerikan.

Dan huwa mument ewlieni għan-Nasa, li f’Diċembru se tiċċelebra n-nofs seklu anniversarju mill-vjaġġ ta’ Apollo 17 li kien l-aħħar inżul tal-bniedem fuq il-Qamar.

In-NASA wegħdet li terġa tagħti l-ħajja lill-programm il-ġdid tagħha Artemis, billi tuża teknoloġija li tixraq lill-era moderna. Fil-mitoloġija, Artemis kienet oħt tewmin tal-alla Griega Apollo u l-alla tal-Qamar.

L-Aġenzija Spazjali Amerikana tqis ir-ritorn ta’ vjaġġi lejn il-Qamar bħala mod ta’ preparazzjoni għal inżul futur tal-bniedem fuq il-pjaneta Mars f’xi żmien fis-snin 30 ta’ dan is-seklu jew ftit wara.

L-SLS se jkollu 15% aktar saħħa fl-imbuttatura mir-rokits Saturn V ta ‘Apollo. Din il-qawwa żejda se tippermetti lill-vettura mhux biss li twassal astronawti ferm lil hinn mid-Dinja iżda wkoll tagħmir u merkanzija biex l-ekwipaġġi jkun jistgħu jibqgħu fl-orbitu għal perjodi estiżi.

Il-kapsula tal-ekwipaġġ ukoll sarilha titjib fil-kapaċità tagħha u hija ħafna aktar spazjuża milli kienu l-kapsuli ta’ kmand  tas-snin 60 u 70.

L-Amerikani ilhom iħarsu ‘l fuq lejn il-Qamar joħolmu bil-ġurnata li l-umanità terġa’ lura fuq il-wiċċ il-qamar u dik il-ġurnata se tkun waslet permezz tal-programm Artemis.

In-Nasa wiegħdet li din il-missjoni se tkun xhieda tal-ewwel mara li tinżel fuq wiċċ il-Qamar.

Hemm iktar minn 10 pajjiżi fl-Ewropa li ilhom jaħdmu fi ħdan l-Aġenzija Spazjali Ewropea biex jikkontribwixxu lejn dan il-programm spazjali ġdid. Skont ix-xjenzati Ewropej, is-Sevice Module Ewropew mhuwiex biss biċċa tagħmir imma huwa element tassew kritiku għaliex Orion ma jistax jasal sal-Qamar mingħajrna.

Waqt li n-Nasa qed tiżviluppa l-SLS, l-imprenditur tar-rokits Amerikan Elon Musk qed jipprepara vettura saħansitra akbar fil-faċilità tiegħu għarr-riċerka u l-iżvilupp f’Texas.

Huwa jsejjaħ ir-rokit ġgant tiegħu Starship, u se jkollu rwol fil-missjonijiet futuri ta ‘Artemis billi jgħaqqad ma’ Orion biex l-astronawti jaslu sa wiċċ tal-Qamar.

Ekonomija

Sport