Tuesday, May 14, 2024

93,345 qasmu l-fliegu għall-festi ta’ Santa Marija

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fil-ġranet tal-festa ta’ Santa Marija, xejn inqas minn 93,345 passiġġieri qasmu minn u lejn Għawdex. Għalkemm dan l-għadd huwa inqas minn dak li kien fl-2019, is-sena ta’ qabel il-pandemija, jidher iżda li dan it-traġitt żdied sew meta kkumparat mal-aħħar sentejn. 

Statistika li għandu f’idejh dan is-sit turi li bejn il-Ħamis 11 u t-Tnejn 15 t’Awwissu saru total ta’ 502 vjaġġi bil-vapuri tal-Gozo Channel u bejniethom ġarru ‘l fuq minn 31,000 vettura. Dan l-ammont jiżboq kemm in-numru ta’ vjaġġi kif ukoll l-għadd ta’ vetturi li qasmu bejn l-2019 u l-2021. 

L-aktar jum bieżel fil-Port taċ-Ċirkewwa kien nhar is-Sibt fejn kien hemm total ta’ 12,059 passiġġier li qasmu lejn Għawdex, li ħadu l-okkażjoni biex iqattgħu tmiem il-ġimgħa ta’ Santa Marija fil-gżira tat-tliet għoljiet. Dan l-ammont huwa riflessjoni ukoll ta’ kemm Għawdex għadu destinazzjoni popolari mal-Maltin li qed iħalli impatt pożittiv fuq l-industrija tat-turiżmu f’din il-gżira. 

Min-naħa l-oħra, l-akbar għadd ta’ persuni li niżlu lura Malta f’dan il-perjodu kien it-Tnejn (11,131). 

F’kumment ma’ talk.mt, iċ-Ċermen tal-Gozo Channel Joe Cordina wera s-sodisfazzjon tiegħu li din is-sena kienet aħjar mis-sentejn li għaddew, turija li l-pajjiż kompla ħiereġ mill-pandemija tal-Covid-19. Dan għalkemm innota wkoll li għadna ma lħaqniex il-livelli li kienu rreġistrati fl-2019.

Sport