Tuesday, December 24, 2024

Dalwaqt tista’ ssarraf il-kontenituri tax-xorb minn 320 magna madwar il-pajjiż

Aqra wkoll

L-iskema ta’ rifużjoni tal-kontenituri tax-xorb se tibda topera mit-Tnejn 14 ta’ Novembru li ġej permezz ta’ 320 magna li se jitqiegħdu madwar il-pajjiż.

Fi stqarrija, l-aġenzija Circular Economy Malta spjegat li b’din l-iskema l-konsumaturi se jkunu jistgħu jirritornaw kontenituri tax-xorb vojta ġo dawn il-magni u jieħdu lura depożitu ta’ 10ċ fuq kull kontenitur f’forma ta’ vouchers li jissarrfu fi ħwienet li jbigħu dawn ix-xarbiet.

Din l-iskema se tinċentiva lill-pubbliku sabiex jirriċikla b’mod sostenibbli filwaqt li tgħin biex tnaqqas ir-rimi ta’ kontenituri li jikkawża tniġġiż, anke fil-baħar. Mistennija wkoll tgħin lil pajjiżna biex jilħaq il-mira biex sal-2026 il-pajjiż jilħaq il-mira li tiġbor 90 fil-mija tal-kontenituri tax-xorb li jintużaw darba biss għar-riċiklaġġ.

Spjegat ukoll li l-iskema tgħodd għal dawk il-fliexken jew bottijiet li jesgħu bejn 100 millilitru u tliet litri, u li jinkludu:

Ilma miżjud biz-zokkor jew b’materjali ta’ ħlewwa jew togħma (flavoured water)

Luminati bil-gass jew bla gass

Ciders, birer u xorb magħmul mix-xgħir

Kafè lest biex jiġi kkunsmat

Xarbiet alkoħoliċi aromatizzati li jkollhom livell ta’ kontenut alkoħoliku li ma jaqbiżx il-5% u dilutables. 

Min-naħa l-oħra, inbejjed, spirti u juices huma esklużi mill-iskema.

L-aġenzija għamlitha ċara li biex il-vouchers tad-depożitu jkunu jistgħu jissarfu, il-konsumaturi m’għandhomx jagħfġu l-kontenituri u lanqas m’għandhom ineħħulhom it-tikketti qabel jiddepożitawhom fil-magni.

Għal aktar tagħrif tista’ żżur dan is-sit jew din il-website, jew tista’ tagħmel kuntatt ma’ Circular Economy Malta fuq [email protected] jew fuq 22268200.

Ekonomija

Sport