Saturday, December 21, 2024

“Dan hu budget ta’ pajjiż li qed jieħu r-ruħ” – id-DPM Chris Fearne

Aqra wkoll

“Dan hu budget ta’ aħbarijiet tajba. Budget ta’ pajjiż li qed jieħu r-ruħ. Pajjiż li għadda mill-agħar żmien tal-pandemija u għax ħadna deċiżjonijiet f’waqthom illum nistgħu nirkupraw bil-miżuri li qed nieħdu b’dan il-budget.”

Qal dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne f’konferenza stampa li indirizza flimkien mal-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana, l-għada li tħabbar il-budget għas-sena d-dieħla.

Fearne beda biex qal li sena u nofs ilu, il-Gvern konxjament ħa d-deċiżjoni li jagħti prijorità lis-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi, li jara li l-poplu jkun imħares mill-problemi tal-pandemija. “Għarafna wkoll però li biex ikollna ekonomija b’saħħitha jrid ikollok poplu b’saħħtu.” 

Huwa stqarr li f’dan il-budget, it-tkabbir ekonomiku jibqa’ importanti u fl-istess ħin il-Gvern qed jagħraf l-importanza tal-ambjent u l-kwalità tal-ħajja. 

Huwa nnota wkoll dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni wara d-diskors tal-budget, illi “dan huwa budget tal-lum.” Fearne qal li din hija l-agħar kritika li qatt setgħet ħarġet biha l-Oppożizzjoni hekk kif dan hu budget li jilħaq għall-aspirazzjonijiet tal-lum imma wkoll jaħseb għall-ġejjieni. 

F’dan il-kuntest, id-Deputat Prim Ministru tkellem dwar il-problema tat-tibdil fil-klima u qal li dan il-budget b’mod konkret qed jaħseb f’miżuri biex jindirizza din il-problema. 

Huwa qal ukoll li l-budget għas-sena d-dieħla jaħseb ukoll għal iżjed spazji miftuħa u jagħti inċentiv għall-użu ta’ vetturi elettriċi. Dan filwaqt li jissemmew inizjattivi oħra fosthom it-trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd minn Ottubru tal-2022.

Dwar il-kritika tal-Kap tal-Oppożizzjoni li dan hu budget li għamel defiċit, id-Deputat Prim Ministru qal li d-defiċit sar għaliex il-Gvern għażel li jagħti l-għajnuna lill-familji u n-negozji fl-eqqel tal-pandemija.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Clyde Caruana qal li kull miżura li ħabbar it-Tnejn li għadda ssemma kemm se tiġi tiswa u kemm se jibbenefikaw nies minnha. 

Huwa qal li wara dak kollu li sar, id-dejn qed ikun imbassar li jkun ta’ 62% tal-Prodott Gross Domestiku. Enfasizza li “n-nies hemm barra jafu x’għamilna. Meta nqabblu s-sitwazzjoni ta’ xogħol qabel il-pandemija u llum, insibu li llum għandna aktar nies jaħdmu u inqas nies jirreġistraw għax-xogħol.”

“Grazzi għal dak li għamilna b’tant determinazzjoni u li trid kuraġġ kbir għalih, irnexxielna nġibu r-riżultati. Kien proprju għalhekk li stajt inħabbar dak il-budget. Għaliex għandi s-serħan tal-moħħ illi la s-suq tax-xogħol tagħna għadu hemm u għadu b’saħħtu, dik il-magna ekonomika se tkompli tirranka, se ttina l-ġid li għandna bżonn biex l-ekonomija tagħna tkompli tikber u l-finanzi tal-pajjiż inkomplu nżommuhom sodi kif dejjem għamilna,” temm jgħid il-Ministru Caruana. 

Ekonomija

Sport