Wednesday, April 24, 2024

‘Cause for Applause’ għall-impjegati tal-Grupp Farsons

Aqra wkoll

Il-Grupp Farsons dan l-aħħar reġa’ organizza edizzjoni oħra tal-‘Cause for Applause’ biex ikompli jirrikonoxxi l-ħidma tal-impjegati tiegħu. Dawn il-premjijiet ilhom jitqassmu kull sena mill-2015 u jingħataw lil impjegati fi ħdan is-setturi varji tal-Grupp li jkunu ġew nominati f’diversi kategoriji, għal premjijiet ta’ rikonoxximent jew s-suġġerimenti.

Din is-sena ġew nominati tletin impjegat f’erba’ kategoriji. Ir-rebbieħ taż-Zest Award kien Emmanuel Attard minn Simonds Farsons Cisk plc (SFC). Dan il-premju jagħraf lill-impjegati li juru attitudni pożittiva, kburija u rieda qawwija f’xogħolhom. Il-Wellness Award rebħitu Anthea Micallef, minn Food Chain Ltd, li fuq ix-xogħol tippromwovi stil ta’ ħajja bilanċjat favur is-saħħa. Il-Premju tal-Kwalità Shine and Sparkle jiċċelebra l-eċċellenza fil-kwalità tas-servizz, diliġenza u professjonalità, u din is-sena ngħata lil Frank Ruggier minn SFC plc.

Il-premju ġenerali tal-Cause for Applause jirrikonoxxi l-impjegati li jagħmlu minn kollox biex jgħixu l-valuri tal-Grupp, u li xogħolhom jirrifletti l-impenn kontinwu tagħhom li jibqgħu jtejbu l-kultura ta’ madwarhom favur l-eċċellenza. Ir-rebbieħ ta’ din is-sena kien Liam Cutajar minn Quintano Foods Ltd.

Tqassmu wkoll premjijiet ta’ rikonoxximent speċjali lit-timijiet tal-Loġistika, il-Bejgħ (SFC), u s-Saħħa u s-Sigurtà.

Benjamin Grech minn SFC kiseb premju speċjali għall-entużjażmu u l-lealtà tiegħu fil-post tax-xogħol.

L-aqwa tliet impjegati li ġew issuġġeriti fl-Iskema tal-AIM (AIM Employee Suggestion Scheme) rebħu premju wkoll. Din is-sena ġie l-ewwel Angelo Muscat minn SFC b’suġġeriment b’rabta mas-sistemi tal-ventilazzjoni.

Antoinette Caruana, il-Manager tar-Riżorsi Umani tal-Grupp u s-Segretarja tal-Kumpanija, irrimarkat li “L-għarfien tat-talenti, tal-ħidma, l-impenn u l-lealtà tan-nies tagħna, u l-apprezzament ta’ dak li jaħdmu għalih u r-riżultati li jiksbu, huma importanti ħafna għalina. Fil-Grupp Farsons nemmnu li l-kontribut ta’ kull impjegat u impjegata jagħmel id-differenza f’kulma niksbu. L-impjegati li jiġu rikonoxxuti b’dawn il-premjijiet annwali huma mudelli mill-aqwa għall-impjegati l-oħra u aħna napprezzaw id-dedikazzjoni u l-isforzi tagħhom.”

Sport