Saturday, November 9, 2024

“Dan hu l-mument li konna ilna nistennew”

Dilettanti tal-Karnival ħerqana għall-edizzjoni speċjali tal-Karnival fil-Belt

Aqra wkoll

Fi tmiem din il-ġimgħa se ssir edizzjoni speċjali tal-Karnival ta’ Malta fil-Belt Valletta li tibda nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Mejju u tintemm jumejn wara. Din se tkun okkażjoni speċjali sabiex jiġi ċċelebrat il-Karnival kif imdorri jarah il-poplu Malti wara sentejn ta’ pandemija li ġabet magħha restrizzjonijiet kbar. Fil-fatt fi Frar li għadda meta ċerti restrizzjonijiet kienu għadhom fis-seħħ sar programm ridott tal-Karnival ta’ Malta li nkluda wirjiet tal-kostumi u tal-fotografija, interpretazzjoni tal-Qarċilla b’kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv, kif ukoll istallazzjonijiet statiċi madwar il-Belt Valletta u f’diversi irħula. Kien spettaklu ridott li minkejja kollox kellu l-mumenti sbieħ u pożittivi tiegħu.

Bejn il-Ġimgħa u l-Ħadd li ġej se jkun hemm programm mimli daqs bajda li jinkludi sfilata ta’ stallazzjonijiet li kkompetew fi Frar flimkien mar-Re tal-Karnival u l-maskaruni, il-parata u kompetizzjonijiet taż-żfin fi Pjazza San Ġorġ il-Belt. Is-Sibt filgħodu saħansitra ser jirritorna l-Karnival tat-Tfal filwaqt li se jerġa’ jkun hemm il-Qarċilla mill-pinna ta’ Ċikku l-Poplu li ser issir quddiem il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt. Dan kollu fi tlett ijiem ta’ daħk, bluha, żfin, ċajt u talent tipiku Malti.

Dan is-sit tkellem ma’ wieħed mill-parteċipanti tal-karnival Stiefnu mill-kumpanija Beqqu Stiefnu Carnival Company fejn deher fejn eċitat li jasal tmiem il-ġimgħa li ġejja sabiex ikunu jistgħu jiċċelebraw il-karnival bħas-soltu. “Ninsabu kollha kemm aħna ħerqanin sabiex jasal nhar il-Ġimgħa li ġej sabiex nagħmlu l-isfilata normali tagħna.”

Stiefnu ilu midħla tal-karnival għal dawn l-aħħar snin fejn tgħallem ħafna mingħand Pawlu Curmi, magħruf bħala l-Pampalun, simbolu nistgħu ngħidu tal-Karnival Malti. Hu jgħid li tgħallem ħafna mingħand din il-persuna veterana u sostna li se jagħmel ħiltu u l-almu tiegħu kollu sabiex ikompli fil-passi tiegħu.

Illum il-ġurnata bl-għajnuna ta’ kollegi tiegħu jagħmel karru tal-karnival, xi ħaġa li toħodlu ħafna ħin u anke flus iżda li fl-aħħar mill-aħħar iħalli fih sens ta’ sodisfazzjon kbir.

“Wara sentejn nieqsa minn kull attività possibbli minħabba l-pandemija nistgħu nagħmlu dak li verament inħobbu”

Stiefnu minn Beqqu Stiefnu Carnival Company

Huwa qalilna li flimkien ma’ Festivals Malta ftiehmu li jkun għaqli li l-karnival li kellu jsir fi Frar jiġi pospost għal ftit tax-xhur wara sabiex ir-restrizzjonijiet li kien hemm fis-seħħ jiġu rilaxxati kompletament. “Nemmen li issa se jkollna karnival tajjeb fejn se jkollna kostumi mingħajr ħadid u fejn se jkun hemm defile normali għalkemm b’karrijiet iżgħar. Dan hu l-mument li konna ilna nistennew!”

Qalilna wkoll li l-aħħar ġurnata se tkun ikkaraterizzata minn ċelebrazzjoni kbira li se tinkludi wkoll djs u żeffiena fi Pjazza Tritoni. Hu jemmen li dan l-avveniment se jiġbor fih numru ta’ żgħażagħ li se jiċċelebraw dan l-avveniment bl-aqwa mod possibbli. 

Mistoqsi dwar kemm jaħdmu fil-qrib ma’ Festival Malta, id-dilettant tal-karnival qalilna li l-kollaborazzjoni magħhom hi waħda ferm kruċjali.

“Fil-verità bilfors trid tikkopera ma’ Festivals Malta minħabba li huma l-organizzaturi ta’ dawn l-avvenimenti. Jekk niġu għall-karru, huma jagħtuna l-permessi kollha meħtieġa u kollox jiġi approvat min-naħa tagħhom. Bla dubju li Festivals Malta jagħmlu xogħol tajjeb ħafna ta’ reklamar tal-attivitajiet. Huma jagħmlu wkoll il-katalogu tal-karrijiet parteċipanti filwaqt li jżidu din l-informazzjoni fuq is-sit elettroniku. Żgur li ma’ Festivals Malta naħdmu f’armonija tajba.”

Fil-fatt skont Festivals Malta, il-Karnival ta’ Malta huwa avveniment importanti għall-pajjiżna u għalhekk irsistew biex din il-festa tant popolari terġa’ tiġi ċċelebrata kif verament jistħoqqilha.

Tul dawn is-snin, Festivals Malta dejjem ħaseb sabiex jippreserva d-drawwiet marbuta maż-żmien tal-Karnival filwaqt li jkompli jgħolli l-livell tiegħu. Għalkemm il-format tal-Karnival kellu jinbidel minħabba s-sitwazzjoni preżenti, Festivals Malta xorta waħda ħadem biex l-ispirtu tal-karnival jibqa’ jinħass minkejja l-isfidi li din il-pandemija ġabet magħha.

Saqsejna lil Stiefnu dwar it-tradizzjoni tal-karnival ta’ Malta. Il-Karnival ta’ Malta kif nafuh illum kiber fil-popolarita’ jew inkella naqas?

“Nista’ ngħidlek li t-tradizzjoni kibret, anzi llum ngħidlek li l-karnival infetaħ dejjem aktar. Qabel kien ikun hawn il-karnival li kien ikkonċentrat fil-Belt Valletta iżda llum qed narawh jiġi ċċelebrat anke fi rħula oħrajn fosthom f’Ħal Għaxaq, il-Ħamrun u anke n-Nadur f’Għawdex. Din il-festa tradizzjonali nfirxet sew u l-karnival spontanju qed ikollu ħafna suċċess fost iż-żgħażagħ li jagħżlu li jitilgħu Għawdex sabiex igawdu dan iż-żmien tant sabiħ.”

Stiefnu saħaq li llum il-ġurnata l-karnival sar jiswa ħafna flus speċjalment il-karrijiet li tant ikunu mżejnin b’reqqa liema bħalha. Bħala organizzatur hu jmexxi wkoll il-kumpanija Beqqu Stiefnu Carnival Company fejn minkejja x-xogħol u l-preparamenti ma jaqtgħu qatt, xorta waħda sodisfatt li qed jagħmlu dan kollu mill-qalb.

Finalment tlabna lil Stiefnu sabiex jgħaddilna messaġġ lil dawk li huma dilettanti tal-karnival u anke lill-pubbliku inġenerali li se jkun qed jattendi għall-attivitajiet imsemmija.

“L-ewwelnett nixtieq inwassal messaġġ pożittiv għal min bħali hu dilettant tal-karnival u jagħti ħafna mill-ħin tiegħu għal dan id-delizzju li għalina jfisser ħafna. Wara sentejn ta’ pandemija fejn kollox kien wieqaf u fejn aħna ma stajniex neżebixxu x-xogħol tagħna, issa wasal iż-żmien li nkomplu fejn ħallejna. Nemmen li se jkun karnival suċċess għax anke t-temp se jkun qed jiffavurina.”

“Lill-pubbliku inġenerali li se jgawdi dan l-ispettaklu ngħidilhom sabiex jiġu l-Belt u jaraw it-talent Malti x’kapaċi jagħmel. Se jkunu tliet ijiem ta’ żfin, kant, kuluri u divertiment li żgur wieħed m’għandux jitlef. Il-fatt li konna neqsin minn dawn l-attivitajiet se jagħmel dan iż-żmien wieħed ferm mistenni u għalhekk titilfux dak li għandna ppreparat għalikom!”.

Sport