Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet meta kont żgħir nilgħab ma’ sħabi tat-triq kif konna nagħmlu dak iż-żmien. Kont nattendi n-nursery tal-lokal tiegħi u dejjem nitla’ Ta’ Qali ma’ missieri biex insegwu t-tim favorit tagħna.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala kowċ tat-tim tal-minors ta’ Naxxar Lions FC.
L-esperjenza tiegħi ma’ Naxxar Lions FC bdiet meta kien avviċinani Charles Muscat lura fl-2019 meta hu kien se jkun il-kowċ tat-tim tal-kbar u kien qed ifittex assistent mal-kbar u kowċ tal-minors. Ma kinitx diffiċli biex jikkonvinċini meta rajt persuni mimlijin enerġijja u lesti biex jaħdmu id f’id.
X’tikkkummenta fuq is-suċċess li ksibtu meta rbaħtu l-Kampjonat tal-Minors ta’ Sezzjoni A fil-jiem li għaddew?
Kien proċess twil, proċess li beda sitt snin ilu fl-2019 meta bdejna minn Sezzjoni B. Flimkien mad-direttur tekniku Omar Borg li dejjem sibtu ta’ spalla u jgħini fi kwalunkwe ħaġa li jkolli bżonn, fejn bdejna nġibu xi ftit plejers biex kull staġun insaħħu l-iskwadra, jikrili l-pitches biex nittrenjaw , blalen tajbin u apparat ieħor li wieħed ikollu bżonn biex jaħdem tajjeb. Kull sena t-tim beda jagħmel progress u komplejna nħarsu ‘l quddiem sakemm tliet staġuni ilu ksibna l-promozzjoni għal Sezzjoni A u komplejna fuq l-istess pjan li llum wassalna għal dan is-suċċess tant prestiġjuz. Għalhekk wieħed jista’ japprezza meta jara li affarijiet ta’ sempliċiment loġistika li huma normali għall-maġġoranza ta’ timijiet oħra għalina dejjem kienu ta’ sfida u dawn jagħmluna aktar b’saħħitna. Peró, illum qegħdin naqtgħu l-frott u ngawdu l-mument li tant ħdimna għalih. Dan il-grupp ta’ plejers poġġa ismu fl-istorja tal-klabb ta’ Naxxar Lions b’dan is-suċċess u l-plejers iż-żgħar li telgħin minn nursery illum qegħdin iħarsu lejn il-plejers tat-tim tal-Minors bħala l-benjamini tagħhom.
Huwa fatt magħruf li t tim tal-kbar ta’ Naxxar Lions FC qed jutilizza bosta plejers prodotti tan-nursery tagħkom. X’inhu s-sigriet ta’ dan is-suċċess?
Iva, din hija l-istrateġija tal-klabb tagħna li nagħtu ċans lill-plejers żgħażagħ tagħna jittrenjaw u jkunu involuti mal iskwadra ewlenijja ta’ Naxxar Lions FC. Dan l-istagun s’issa kien hemm xejn inqas minn 12-il plejer li f’xi mument jew ieħor ġew utilizzati fil-Malta Premier, u kien hemm anke okkażjonijiet fejn kellna plejers żgħażagħ li bdew il-partita mal-kbar. Dan huwa dejjem ta’ sodisfazzjon għalija speċjalment meta jkolli xi plejer li jniżżel ismu mal-iskorers u jrebbaħna l-punti mal-iskwadra tal-kbar. Is-sigriet huwa l-għaqda li hemm bejn l-istaff tekniku u l-plejers kollha. Naħdmu flimkien għal għan wieħed u nżommu kemm jista’ jkun armonijja bejn kulħadd.
Kif tqis il-livell tal-grassroots f’pajjiżna?
Nemmen li l-livell tal-grassroots f’Malta huwa wieħed aċċettabbli peró dan ma jfissirx li m’hemmx lok fejn nistgħu nagħmlu aħjar. Aħna bħala Naxxar Lions FC qegħdin naħdmu flimkien man-nursery tagħna biex inħarsu ‘l quddiem għall-aħjar tal-plejers żgħar tagħna billi nżidu iktar kowċis ta’ kwalitá u liċenzjati fl-‘age groups’ iż-żgħar. Għandna gruppi differenti promettenti ħafna li nemmnu li bi ftit aktar enerġija u paċenzja jista’ jkollna ħafna sodisfazzjon magħhom. Qegħdin naħdmu fuq pjan biex ladarba jkun lest il-grawnd tan-Naxxar ikollna ‘set-up’ ta’ kwalitá għolja li nistgħu noffru biex inrawmu il-plejers tagħna għall-futur.
U dak tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Il-futbol Malti kull sena qed jogħla fil-livell għalkemm forsi nistgħu nipproteġu xi ftit iktar lill-plejers Maltin fil-kampjonati ewlenin billi jkollna xi tip ta’ regolament li kull tim irid ikollu ċertu ammont ta’ plejers li jkunu telgħu minn nursery fl-iskwadra.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Rigward riżorsi ta’ grawnds f’Malta sfortunatament għadna lura ħafna. Malta hija gżira żgħira fejn l-art ihia limitata peró naħseb li bi ftit iktar ħsieb u b’inqas burokrazija nistgħu nimxu ‘l quddiem. Pajjiżi oħra li bdew il-futbol warajna investew bil-kbir u llum ħallewna l-art!
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Għalissa jien qiegħed kuntent ma’ Naxxar Lions FC. Hemm proġett sabiħ u nħossni parti mill-familja. Din hija xi ħaġa speċjali f’dan il-klabb li kull min jiġi jħossu milqugħ mill-ewwel ġo familja u kulħadd jiġbed ħabel wieħed.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-futbol huwa sabiħ bħal kull sport ieħor peró s-suċċess ma jiġix mingħajr impenn u dedikazzjoni. L-opportunitajiet qegħdin hemm, Importanti li bħal kull ħaġ’oħra fid-dinja, tkun dedikat u lest li tagħmel is-sagrifiċċji!