Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza, u l-Governanza Edward Zammit Lewis flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rosianne Cutajar, indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet dwar l-Att dwar il-Koabitazzjoni, li għadda mill-Parlament fil-ġimgħat li għaddew. Dan l-Att se jagħti iktar drittijiet u jipproteġi koppji li jgħixu flimkien f’koabitazzjoni, hekk kif dawn se jkunu rikonoxxuti uffiċjalment, anke mingħajr ma jkunu miżżewġin jew f’unjoni ċivili.
L-Att dwar il-Koabitazzjoni, apparti li jirrikonoxxi koppji li jiddeċiedu li jikkoabitaw, jistabbilixxi parametri ċari dwar min jista’ jiġi rikonoxxut bħala koabitant, kif wieħed jista’ jidħol f’att pubbliku ta’ koabitazzjoni, u kif taħdem il-komunjoni tal-assi.
L-istess Att se jkun qed itejjeb fuq l-Att li għadda fl-2017. Dakinhar, il-koabitazzjoni ġiet rikonoxxuta, iżda kien hemm numru ta’ diffikultajiet fl-applikazzjoni ta’ dan l-Att. B’hekk din il-liġi se tkun qed tieħu post l-Att tal-2017, u min hu marbut legalment b’dak l-Att permezz ta’ kuntratt jew dikjarazzjoni unilaterali, jibqa’ marbut bl-istess kundizzjonijiet, sakemm ma jagħżilx li jibdel ir-rabta permezz ta’ att pubbliku skont il-liġi l-ġdida.
Il-Ministru Edward Zammit Lewis qal li sa mill-konċepiment ta’ dan il-Gvern, il-miri kienu li jiġi mmodernizzat dan il-pajjiż anke fil-qasam tal-libertajiet ċivili, u minkejja li t-triq ma kinitx waħda faċli, hija triq li tagħti iktar drittijiet u dinjità.
Il-Ministru spjega li din hija liġi maqbula bejn kulħadd, anke l-Oppożizzjoni, u allura anke fix-xogħol dwar din il-liġi, ingħata eżempju ta’ kif għandha ssir il-politika.
Il-Ministru Zammit Lewis temm jgħid li din il-liġi hija ħolqa minn kullana ta’ liġijiet, u li x-xogħol f’dan il-qasam mhuwiex se jieqaf, minħabba li dan il-Gvern ma jridx ċittadini tat-tieni klassi, u li jinsab kommess li jaħdem għal għada aħjar għal kulħadd.
Is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar saħqet li permezz ta’ din il-liġi, se nkunu qed nirrikonoxxu forma waħda ta’ koabitazzjoni, li koppja tidħol fiha permezz ta’ proċedura sempliċi.
Kompliet tgħid li dan hu pass ieħor wara l-introduzzjoni tal-unjoni ċivili u żwieġ indaqs u b’hekk għal darb’oħra l-Gvern se jkompli jgħaddi messaġġ ta’ progress u inklużjoni għax familja tieħu kull forma li trid – l-uniku element li għandha bżonn hu l-imħabba.
Is-Segretarju Parlamentari kkonkludiet billi saħqet li l-Gvern huwa kommess li jkompli jiġġieled l-abbuż fuq l-aktar nies vulnerabbli fil-komunità tagħna, għaldaqstant se jkompli għaddej bil-ħidma tiegħu għal aktar progress u ugwaljanza.
Iktar dettalji dwar min jista’ jkun koabitant, kif tidħol f’att ta’ koabitazzjoni, u kif taħdem il-komunjoni tal-assi jistgħu jinkisbu billi jiġi aċċessat dan il-link: https://www.paperturn-view.com/jurgren/leaflet-online-2?pid=OTc97156%u200B