Monday, May 13, 2024

“Dan il-premju jagħti r-rikonoxximent lill-individwi b’diżabilità li jkunu ta’ ispirazzjoni għal oħrajn”

Aqra wkoll

Permezz ta’ Premju Soċjetà Ġusta 2022, għal sena oħra, il-Gvern se jkun qiegħed jippremja d-dedikazzjoni u l-impenn ta’ nies, għaqdiet volontarji u postijiet tax-xogħol li kellhom sehem attiv biex kompliet tissaħħaħ l-inklużjoni fis-settur tad-diżabilità.

Il-Ministru għall-Inkluzjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli nediet il-ftuħ għan-nominazzjonijiet għal dan il-premju li se jkun qiegħed jingħata f’Diċembru waqt il-ġimgħa ddedikata għad-diżabilità.

Il-Ministru spjegat kif dan ir-rikonoxximent imur lil hinn minn sempliċiment trofew. “Dan ir-rikonoxximent huwa turija ta’ apprezzament tal-Gvern lejn dawk in-nies, għaqdiet volontarji u postijiet tax-xogħol li rnexxielhom jagħmlu differenza kbira u pożittiva fil-ħajjiet tal-persuni b’diżabilità. B’mod speċjali, dan il-premju jagħti r-rikonoxximent lill-individwi b’diżabilità li jkunu ta’ ispirazzjoni għal oħrajn u premjazzjoni għall-organizzazzjonijiet volontarji li matul is-sena jaħdmu bla heda u jniedu diversi inizjattivi relatati ma’ dan is-settur sabiex tiżdied I-inklużjoni.”

Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li l-prinċipju li se jiggwida l-għażliet għal dan il-premju se jkun dak li jkollna soċjetà aktar ġusta, fejn il-persuni b’diżabilità jieħdu sehem attiv fil-komunità. Saħqet li bħala socjetà fid-dmir li nkissru l-isterjotipi.

Min-naħa tiegħu, iż-żagħżugħ u rebbieħ ta’ Premju Soċjetà Ġusta 2021, Jacob Cachia, qal kif permezz tal-kisbiet li saru, illum il-ġurnata mhux biss qiegħed jgħix f’soċjetà inklussiva iżda minkejja d-diżabilità tiegħu qed jikkontribwixxi lura lill-istess soċjetà.

B’kollox se jkunu qegħdin jingħataw seba’ premjijiet. Dawn jinkludu:

  • Premju Socjetà Ġusta;
  • Premju għal Kisba tul il-Ħajja fis-Settur tad-Diżabilità;
  • Premju għal Ħidma fit-Tisħiħ tad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità;
  • Premju Parteċipazzjoni Attiva fl-Isport;
  • Premju Parteċipazzjoni Attiva fl-Arti u I-Kultura;
  • Premju għall-iktar post tax-xoghol li jopera b’mod inklussiv;
  • Premju lill-Għaqda Volontarja għal Ħidma għat-Tisħiħ tal-Inklużjoni.

Il-Bord ta’ Evalwazzjoni għall-Premju Socjetà Ġusta 2022 se jkun qed jilqa’ n-nominazzjonijiet għal dan il-premju. Il-formola tinkiseb online fuq https://inclusion.gov.mt/ jew mill-Ministeru, 89, Palazzo Francesco, Triq Sir Ugo Mifsud, Ħal Lija. L-applikazzjonijiet jagħlqu nhar il-Ġimgħa, 7 ta’ Ottubru 2022 f’nofsinhar. Applikazzjonijiet li jaslu wara d-data tal-għeluq ma jiġux ikkunsidrati.

Is-serata tal-premjazzjoni se ssir nhar il-Ġimgħa, 9 ta’ Diċembru 2022, taħt il-Patroċinju tal-President ta’ Malta George Vella.

Sport