Tuesday, April 23, 2024

“Ninsab verament ħerqan li nerġa’ nibda nilgħab il-football” – Kyrian Nwoko

Aqra wkoll

Floriana FC kisbu s-servizzi tal-iskorer prolifiku Malti Kyrian Nwoko fl-aħħar ġurnata t’Awwissu eżatt kif intemm is-suq tat-trasferimenti tas-sajf.

Hu rritona lura fil-football Malti wara nuqqas ta’ sentejn. Fil-fatt Nwoko lagħab fl-Irlanda ma’ St Patrick Athletic. Sadanittant eżatt kif intemmet l-avventura tiegħu fl-Irlanda, Nwoko iddeċieda li jdendel iż-żarbun minħabba raġunijiet personali.

Id-deċiżjoni tiegħu damet biss ftit xhur hekk kif l-imħabba li għandu lejn il-futbol rebħet u dlonk irritorna jilgħab u se jibda avventura mal-Greens.

Talk.mt tkellem ma’ Nwoko fuq din id-deċiżjoni u t-trasferiment ma’ Floriana.

“Ninsab verament ħerqan li nerġa’ nibda nilgħab il-football u nagħti l-kontribut tiegħi sabiex Floriana jkunu team rebbieħ. Ninsab ferm motivat li nirritorna wara numru ta’ xhur nieqes mil-logħob.”

“Irrid ngħid li tul il-perjodu li għamilt wieqaf mil-logħob kompetittiv, xorta waħda komplejt nitħarreġ waħdi u mmur il-gym sabiex nibqa’ nżomm dik il-forma fiżika verament tajba.”

Nwoko qal ukoll li l-partitarji Furjaniżi laqgħuh b’idejhom miftuħa u dan kollu xprunah sabiex jibqa’ għaddej bil-pjanijiet tiegħu li jilgħab ma’ dan il-klabb li hu sejjaħlu storiku u glorjuż. Hu ffirma sena kuntratt mat-tim li jilgħab bil-flokk aħdar b’għażla li jista’ jġeddu ġaladarba din l-avventura tkun suċċess.

Madankollu ħadna l-okkażjoni sabiex saqsejna mistoqsijiet oħra lil Kyrian Nwoko li hu weġibhom bl-aqwa mod possibbli.

Saqsejnih kif bdiet l-imħabba tiegħu lejn il-football.

“Ovvjament il-kunjom tiegħi hu sinonimu ma’ missieri Chucks li kien jilgħab ma’ diversi timijiet f’Malta fosthom ma’ Birkirkara, Marsaxlokk, Sliema Wanderers u Qormi. Bla dubju kien hu li rawwimni din l-imħabba lejn il-football.”
“Irrid ngħid ukoll li jien kont nilgħab ħafna bil-ballun, partikolarment wara l-iskola u x-xogħol tad-dar. Kont ngħaddi ħafna ħin nilgħab ma’ sħabi u kien żmien sabiħ ħafna.”

Kyrian Nwoko tkellem dwar il-clubs li kien magħhom għalkemm beda biex irrakkonta l-ewwel esperjenza tiegħu ma’ Luxol St Andrews li bħalma qal hu stess, kien it-tim li għenu jkun dak li hu llum.

“Niftakar il-mument meta ġejna promossi għall-Kampjonat Premier u għamilna żewġ staġuni hemmhekk. Niftakar ukoll meta fi staġun minnhom ma stajniex inġibu punt wieħed għalkemm fit-tieni rawnd kellna sensiela ta’ riżultati tajbin li wasluna sabiex ġejna fid-decider kontra min jispiċċa t-tieni post fil-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni. Dakinhar lgħabna kontra Senglea Athletic u rnexxielna nirbħulhom sabiex żammejna postna fl-ogħla diviżjoni tal-futbol lokali.”

Minn hemm Nwoko beda l-avventura Beltija fl-2017 u magħhom għamel erba’ snin fejn lagħab 75 partita u skorja 12-il gowl. Hu qalilna li l-partitarji Beltin dejjem urewh rispett filwaqt li tawh kuraġġ kbir. Fuq kollox, hu rebaħ diversi unuri mat-tim mill-kapitali Maltija fosthom darbtejn il-kampjonat Premier, darba l-FA Trophy u darbtejn oħra s-Super Cup Maltija.

F’Lulju 2021, it-tim Irlandiż ta’ St Patrick Athletic akkwistaw b’self lill-attakkant ta’ 25 sena għal sitt xhur mingħand Valletta. Nwoko jiftakar sew id-debutt tiegħu fl-Irlanda.

“Għalija kien debutt storiku minħabba li kien l-ewwel darba li lgħabt barra minn pajjiżi. Nfitakar sew li dħalt nilgħab fis-87 minuta fid-derby ta’ Dublin kontra Shamrock Rovers fil-Tallaght Stadium. Niftakar ukoll meta kont fl-iskwadra ta’ St Patrick u għalkemm ma lgħabtx kelli s-sodisfazzjon nara lill-plejers sħabi jirbħu t-tazza FAI wara li rbaħna lil Bohemians 4-3. Kienet folla kbira ta’ madwar 37,000 li l-ħin kollu taw is-sapport tagħhom lit-tim fl-Aviva Stadium.”

Ma’ Kyrian Nwoko tkellimna wkoll dwar l-avventura li kellu mat-team nazzjonali Malti kemm ta’ taħt il-21 sena kif ukoll dak tal-kbar.

“L-ewwelnett hu dejjem ta’ unur li tilbes il-flokk ta’ pajjiżek. Apparti s-sehem li kelli mat-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena u anke dak tal-kbar, niftakar qisu lbieraħ il-parteċipazzjoni tiegħi fil-kampjonat Ewropew ta’ taħt is-17-il sena li kien sar f’Malta fis-sena 2014. Jien kont lgħabt darbtejn u tista’ tgħid li kienu l-ewwel esperjenzi internazzjonali tiegħi.”

“It-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena kien immexxi minn Silvio Vella li dejjem wera fiduċja fil-kapaċitajiet tiegħi u kien jagħżilni b’mod regolari. Mat-tim nazzjonali Malti tal-kbar kien il-kowċ Ray Żażu Farrugia li għażilni għall-ewwel darba u tani d-debutt fis-sena 2017 meta lgħabna kontra l-Estonja u tlifna 3-0.”

“Madankollu kieku kellek issaqsini l-iktar logħba u goal li niftakar, bla dubju nsemmilek dak kontra l-Gżejjer Faroe fejn kont skorjajt bir-ras u wittejt it-triq għall-ewwel rebħa Maltija f’kompetizzjoni internazzjonli wara 13-il sena.”

Finalment tlabna lil Kyrian Nwoko sabiex jgħaddi messaġġ lill-partitarji ta’ Floriana. Hu jaf li l-partitarji huma ferm akkaniti għat-tim tagħhom u xtaq jirringrazzjahom talli laqgħuh fi ħdan il-club.

Tlabnieh jgħaddi messaġġ ieħor lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera fil-football.

“Meta int tipprattika sport, bla dubju l-affarijiet mhux daqshekk faċli daqskemm wieħed jaħsibhom. Trid ħafna paċenzja u sagrifiċċju għalkemm meta int taħsad minn dak li tiżra’ se jkollok ħafna sodisfazzjon wara.”

Sport