Friday, June 27, 2025

Dan ir-rikonoxximent jagħtini motivazzjoni akbar biex inkompli naqdi b’dedikazzjoni, rispett u integrità’ – PC Hertian Vassallo

Aqra wkoll

Fil-jiem li għaddew, il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta feraħ bi kburija lill-Kuntistabbli tal-Pulizija Hertian Vassallo mit-Tim tal-Pulizija tal-Komunità talli rċieva l-premju prestiġjuż ‘Role Model Award’ fis-serata finali tal-unuri tas-Servizz Pubbliku ta’ din is-sena.

Il-Kuntistabbli tal-Pulizija Vassallo ġie rikonoxxut bħala uffiċjal ta’ prinċipji għoljin li jippromwovi l-innovazzjoni, l-inklużività, u l-ispirtu ta’ tim. Magħruf għall-kompassjoni u l-empatija tiegħu, jappoġġja u jagħti gwida lir-rekluti l-ġodda, jantiċipa sitwazzjonijiet ta’ sfida, u jżomm b’mod konsistenti valuri soċjali b’saħħithom fil-komunitajiet li jaqdi.

Wara ċ-ċerimonja, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà feraħ personalment kemm lill-Kuntistabbli tal-Pulizija Vassallo kif ukoll lill-kollega tiegħu l-Kuntistabbli tal-Pulizija Julian Caruana, li nnominah għall-premju.

Il-Kummissarju Gafà qal, “Filwaqt li aħna kburin ħafna bil-Kuntistabbli tal-Pulizija Vassallo għas-servizz eżemplari tiegħu u talli rċieva dan l-unur, aħna kburin bl-istess mod bil-Kuntistabbli tal-Pulizija Caruana għall-inizjattiva ta’ min ifaħħru fir-rikonoxximent u l-promozzjoni tax-xogħol eċċellenti ta’ uffiċjal ieħor.”

Dan ilġurnal tkellem ma’ PC Hertian Vassallo nnifsu fejn tana iktar dettalji rigward dan l-unur kif ukoll rigward diversi tematiċi oħra marbuta mas-soċjetá Maltija.

Kif ġietek il-ħajra li tidħol Pulizija?

Minn meta kont żgħir, dejjem kelli l-ħajra li nsir pulizija, speċjalment għax dejjem għoġbitni ż-żamma tal-ordni u d-dixxiplina. Illum nista’ ngħid b’ċertezza li l-karriera tal-pulizija mhijiex biss xogħol għalija, imma hija parti essenzjali minn ħajti. Ma nistax nimmaġina lili nnifsi nagħmel xi ħaġa oħra – għax dan ix-xogħol jagħtini sens ta’ skop u sodisfazzjon li ma jissostitwixxih xejn.

U għaliex għażilt li ssir Pulizja fil-Komunitá?

Meta kont fl-Akkademja tal-Pulizija madwar ħames snin ilu, f’pajjiżna kien għadu kif beda jissaħħaħ il-kunċett tal-Pulizija tal-Komunità. Dan il-mod ta’ ħidma għoġobni mill-ewwel, għax il-pulizija tal-komunità jaħdmu b’mod proattiv u viċin in-nies. Jiena, bħala persuna b’istint naturali biex inkun proattiv u inqis il-prevenzjoni bħala kruċjali, ħassejt li dan ir-rwol kien ideali għalija. Il-fatt li nista’ nkun preżenza pożittiva fil-komunità u nibni relazzjonijiet maċ-ċittadini jagħtini motivazzjoni u sodisfazzjon kbir kuljum.

X’inhuma r-responsabbiltajiiet tiegħek f’dan ir-rwol?

Bħala pulizija tal-komunità, ir-responsabbiltajiet tiegħi huma varjati ħafna. Kuljum, waqt ir-rondi, niltaqa’ ma’ diversi persuni li jkollhom bżonn l-għajnuna jew il-preżenza tal-pulizija. Ix-xogħol tagħna mhux biss jirrigwarda li nirreaġixxu għal sitwazzjonijiet, imma ħafna minnu huwa proattiv – jiġifieri nippruvaw nidentifikaw u nindirizzaw problemi qabel ma jeskalaw jew jinħolqu. Dan jippermettilna nibnu relazzjoni b’saħħitha mal-komunità u noffru servizz aktar effettiv u preventiv.

X’tikkummenta fuq l-unur li rbaħt tar-‘Role Model Award’ waqt is-serata finali tal-unuri tas-Servizz Pubbliku?

Huwa unur kbir għalija li ġejt magħżul bħala r-rebbieħ tal-premju prestiġjuż Role Model Award waqt is-serata finali tal-Unuri tas-Servizz Pubbliku f’Malta. Dan ir-rikonoxximent jagħtini motivazzjoni akbar biex inkompli naqdi b’dedikazzjoni, rispett u integrità. Nixtieq nesprimi l-ikbar ringrazzjament tiegħi lil min nomina lili, kif ukoll lil kull min kellu sehem f’dan il-proċess. Inħossni verament grat, u dan l-unur inqisu mhux biss bħala tifħir personali, imma wkoll bħala riflessjoni tal-valuri li rrid inkompli nxerred fil-komunità.

Tħoss li ż-żgħażagħ tagħna fis-soċjetá tal-lum qed ibatu biex isibu role models li jsegwu l-passi tagħhom?

Iva, żgħażagħ illum qed isibuha diffiċli biex isibu role models tajbin minħabba l-influwenzi negattivi tas-soċjetà u l-media. Bħala pulizija, tista’ tkun eżempju pożittiv billi turi rispett, dixxiplina u impenn lejn il-komunità. Żagħżugħ li jara dawn il-valuri jista’ jispira ruħu u jagħżel triq tajba fil-ħajja.

Kif jilqgħukom in-nies hemm barra?

In-nies jieħdu gost bil-preżenza tal-pulizija fit-triq u ħafna drabi jersqu biex jitkellmu jew juru apprezzament. Tfal jifirħu jarawna u xi kultant saħansitra jieħdu ritratt magħna. Il-preżenza tagħna tagħti sens ta’ sigurtà u tgħin biex nibnu relazzjoni tajba mal-komunità.

Intom li tant tkunu viċin tan-nies, kif tarawha is-soċjetá Maltija hemm barra u kif inbidlet tul is-snin?

Minn perspettiva tagħna bħala pulizija li nkunu kuljum fil-qrib tan-nies, nistgħu ngħidu li s-soċjetà Maltija nbidlet ħafna tul is-snin. Illum hawn aktar diversità, ritmu ta’ ħajja aktar mgħaġġel, u sfidi ġodda bħal problemi ta’ saħħa mentali, abbuż ta’ sustanzi, u nuqqas ta’ rispett lejn awtorità f’ċerti każi. Fl-istess ħin, għad hemm ħafna nies li japprezzaw id-dixxiplina, l-għajnuna u s-servizz tagħna, u dan jagħtina l-motivazzjoni li nibqgħu nagħmlu xogħolna bl-aħjar mod. L-aktar tibdil li nħossu huwa fil-mentalità – illum in-nies huma aktar esposti għal dak li jiġri barra minn Malta u jistennew ħafna iktar mill-awtoritajiet. Dan jagħmilha aktar sfida, imma fl-istess ħin joffrilna ċans nitjiebu u nkunu aktar viċin il-komunità b’mod realistiku u uman.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq isir Pulizija.

Il-parir tiegħi lil kull min jixtieq isir pulizija hu li ma jaqtax qalbu u jingħaqad magħna f’din il-familja kbira. Jekk tagħmel dan ix-xogħol b’passjoni u minn qalbek, tkun qed tagħti kontribut siewi lis-soċjetà u fl-istess ħin tirċievi sodisfazzjon personali li diffiċli tispjegah – għax tkun taf li kuljum qed tagħmel differenza fil-ħajja tan-nies.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport