Saturday, December 21, 2024

“Dan is-Servizz għandu għan wieħed: dak ta’ servizz ta’ eċċellenza lill-poplu Malti”

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela, waqt il-konferenza ġenerali għall-kapijiet tas-Servizz Pubbliku, saħaq fuq l-importanza tat-titjib fil-kwalità fi ħdan il-ħidma tas-Servizz Pubbliku. Infatti, it-tema ewlenija għal din il-konferenza hija “ninvestu fil-kwalità”. “L-element ta’ titjib fil-kwalità kien l-ixprun illi mbotta ’l quddiem ir-riformi kollha li saru fis-Servizz Pubbliku matul dawn id-disa’ snin,” qal Dr Abela. 

Dr Abela enfasizza li l-obbligu tal-Gvern huwa li jimplimenta l-proposti li saru waqt il-kampanja elettorali u kompla jgħid li dan se jitwettaq b’suċċess għax hemm Servizz Pubbliku b’saħħtu li ssaħħaħ tul dan l-aħħar deċenju. Huwa argumenta li llum is-Servizz Pubbliku għandu rwol ta’ mexxej u ta’ aġent ta’ bidla fis-soċjetà.

“Dan it-tiġdid poġġa lil pajjiżna bħala mudell tajjeb li lejh jistgħu jħarsu pajjiżi oħra fejn jidħlu riformi fis-Servizz Pubbliku,” sostna Abela. Huwa kompla jgħid li dan is-Servizz għandu għan wieħed: dak ta’ servizz ta’ eċċellenza lill-klijent tiegħu, lill-poplu Malti. 

Il-Prim Ministru elenka li sal-bieraħ stess saret it-tnedija ta’ proġetti ġodda li se jbiddlu kompletament il-mod ta’ kif jopera s-Servizz Pubbliku, permezz tad-digital transformation hub, is-single registry — fejn 70 reġistru ġew konsolidati f’wieħed, iċ-ċentru ta’ taħriġ għall-istitut tas-servizzi pubbliċi u r-remote workspace ġdid.

Dr Abela temm id-diskors tiegħu billi rringrazzja lis-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar, ta’ ħidmietu — li wara 46 se jkun qed jirreżenja minn din il-kariga — u lill-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku għax-xogħol u l-kisbiet li għamlu għall-poplu.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar, b’tisħiħ ma’ dak li qal Dr Abela, sostna li s-Servizz Pubbliku minkejja kollox baqa’ għaddej anki fl-agħar kriżi li ltqajna magħha mit-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn, tant li saħansitra għandna rating ta’ 70%, li huwa persentaġġ tajjeb speċjalment meta hemm pajjiżi ikbar minnha fl-Ewropa li lanqas għandhom rating tajjeb daqs tagħna. 

Is-Sur Cutajar, l-istess bħall-Prim Ministru, matul il-konferenza enfasizza fuq l-importanza tal-kwalità fis-Servizz Pubbliku u li jkun hemm titjib f’din l-istess kwalità. B’rabta ma’ dan huwa semma li minn 45 miżura li se jkunu qed jiġu implimentati, 18 minnhom jikkonċernaw it-titjib fil-kwalità, filwaqt li hemm 17-il miżura biex itejbu s-sostenibilità u 10 miżuri oħra fejn tidħol il-kontabilità – dawn huma t-tliet prinċipji ewlenin li fuqhom hi mibnija din l-istrateġija.

Matul id-diskors tiegħu, is-Segretarju Permanenti Ewlieni saħaq li s-Servizz Pubbliku għandu d-dover li jsostni lin-nies għax il-qofol ta’ kollox huma n-nies. Minħabba li s-Servizz Pubbliku huwa magħmul mill-poplu hemm il-ħtieġa li dan jaħdem għall-poplu; intant il-klijenti għandhom ikunu fiċ-ċentru tal-pjani li jitfasslu.

Is-Sur Cutajar faħħar lill-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku għall-ħidma li wettqu u saħaq li “Wettaqna l-ewwel viżjoni li kellna li jkollna Servizz Pubbliku aċċessibbli minn kulħadd, minn kullimkien u dejjem, u nħarsu lura mhux biex neħlu fl-imgħoddi imma biex nitgħallmu u ma nirrepetux żbalji qodma”.

Ekonomija

Sport