Friday, September 19, 2025

‘Dan is-suċċess huwa frott ta’ ħafna sagrifiċċji mill-ġenituri, tfal u akkademji lokali tal-OCR fejn ħafna żgħażagħ issa jistgħu jikkompetu lokalment b’ostakli ta’ livell internazzjonali’ – Ivan Gauci

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-OCR?

L-imħabba tiegħi lejn l-OCR bdiet madwar 33 sena ilu meta jien kont għadni dieħel fil- Forzi Armati ta’ Malta u t-taħriġ kien proprju bl-ostakli. Fl-istess żmien kont ikkompetejt fil-famuż xow televiżiv ‘Giochi senza Frontieri’. Ħafna snin wara dan l-isport evolva u sar OCR  fejn uħud mill-aqwa atleti fid-dinja jikkompetu kontra xulxin u juru abbilitá teknika u saħħa ta’ ġiri fuq distanzi varji.

Kif għażilt li tispecjalizza fl-OCR, fejn int ukoll kowċ ewlieni ta’ dan l-isport f’pajjiżna?

Matul iż-żmien sakemm l-isport tal-OCR evolva jien prattikajt sports varji wkoll fuq livell internazzjonali fosthom futbol, atletika, ċikliżmu u ‘climbing’. Allura wara  iktar minn 30 sena ta’ esperjenza  u meta dan l-isport daħal Malta jien ħassejt li dan se jkun b’mod naturali sport fejn nista’ nagħti kontribut għat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna.

X’tikkummenta fuq l-aħħar suċċess li ksibtu bħala Team Malta barra minn pajjiżna, fejn għamiltu ġieħ u unur kbir lil pajjiżna fl-Iżvezja?

L-aħħar suċċess fl-Iżvezja kien wieħed mistenni speċjalment wara li f’Ġunju li għadda ksibna riżultati tajbin hafna fil-Kampjonati Ewropej fil-Portugall. Dan is-suċċess huwa frott ta’ ħafna sagrifiċċji mill-ġenituri, tfal u akkademji lokali tal-OCR fejn ħafna żgħażagħ issa jistgħu jikkompetu lokalment b’ostakli ta’ livell internazzjonali.

Kif tqis il-livell tal-OCR f’pajjiżna fil-preżent?

Il-livell tal-atleti Maltin fl-OCR speċjalment dak taż-żgħażagħ huwa wieħed għoli ħafna. Ir-raġuni għal dan huwa li ġew mgħallmin il-bażi tat-teknika minn etá tenera u peressli t-tfal għandhom il-kapaċitá li jirkupraw saħħithom malajr u jgawdu minn flessibiltá fiżika, allura jista’ jiġi kollox naturali.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Il-livell tar-riżorsi fejn l-atleti tagħna jitħarrġu huma ta’ livell għoli ħafna. Is-sidien tal-klabbs jgħaddu wkoll minn ħafna diffikultajiet burokratiċi u finanzjarji peró b’ħafna rieda tajba minn kulħadd jien perswaz li naslu għall-ġid tal-mijiet ta’ tfal li jipprattikaw dan l-isport u oħrajn li jibbenefikaw minnu fuq livell ta’ saħħa bħal ‘occupational therapy’ li jimxi id f’id ma’ dan l-isport partikolari.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-OCR?

Jien u Julian li jieħu ħsieb it-tim tal-atleti ikbar fl-etá rridu nwasslu dan l-isport fil-Logħob Olimpiku u hemm se nippruvaw inġibu unur għal pajjiżna!

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-OCR.

Wieħed m’għandu qatt jaqta’ qalbu jibda dan l-isport. B’determinazjoni, dixxiplina u taħriġ, wieħed jista’ jasal f’livell għoli apparti l-benefiċċju ta’ saħħa kemm fiżika kif ukoll mentali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport