Monday, December 23, 2024

“Dan kollu waqt il-lockdown… tajna ftit attività u kuntatt lill-anzjani li dehru li ħadu gost”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Ta’ kull sena l-Premju Nazzareno Vassallo għal Inizjattivi fil-Kura tal-Anzjani jirrikonoxxi l-ħidma ta’ individwi jew entitajiet li bl-inizjattivi tagħhom itejbu l-ħajja tal-anzjani. Din is-sena l-awturi Maltin Charles Casha, Joseph Debono, Rita Saliba u Trevor Żahra rċevew dan il-premju organizzat mill-CareMalta bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-75 anniversarju ta’ Vassallo Group. Talk.mt ħa kumment ta’ Joseph Debono fejn qalilna waqt iż-żminijiet diffiċli tal-lockdown taw ftit attività u kuntatt lill-anzjani li dehru li għoġbithom l-idea u ħadu gost ħafna.

Debono, li juża l-eye gaze technology biex jikkomunika l-kitba, qalilna huma ġew innominati minn Dianne Giordmaina li mexxiet sessjonijiet ta’ qari online fid-djar tal-anzjani. F’dawn is-sessjonijiet ta’ wens, l-awturi kienu hemm biex l-anzjani setgħu jkellmmuhom u anke jistaqsuhom xi mistoqsijiet.

Impatt pożittiv bil-letteratura u l-kotba

Il-Premju Nazzareno Vassallo sar l-ewwel darba fl-1998, ħames snin wara li bdiet topera CareMalta. L-edizzjoni ta’ din is-sena ffokat fuq inizjattivi li għamlu differenza fil-ħajja tal-anzjani tul il-pandemija. L-erba’ awturi ħallew impatt pożittiv bis-saħħa tal-letteratura u l-kotba.

Dawn l-erba’ awturi Maltin ġew innominati għal mod kif bis-saħħa tal-letteratura Maltija u permezz ta’ sessjonijiet ta’ qari virtwali, sfidaw l-ostakli li ġabet magħha l-pandemija u żammew kumpanijja lill-bosta anzjani fid-djar residenzjali li għal xhur sħaħ ma setgħux joħorġu, kif ukoll jiltaqgħu mal-maħbubin tagħhom.

Il-kitba tagħhom, ħafna drabi b’laqta umoristika, serviet ta’ duwa għal dawn l-anzjani li kellhom ukoll l-opportunità li jikkummentaw u jiddiskutu mal-istess awturi.

Il-bord tal-għażla ġie mmexxi mill-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi u l-membri tiegħu kienu l-eks ġurnalist Keith Demicoli li ppreżenta wkoll iċ-ċerimonja, Sharon Balzan lecturer fl-MCAST, Rudolph Cini chief nursing officer fl-Isptar Mater Dei u Claudette Gauci li hija l-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ġerontoloġija u l-Ġerijatrika.

Kumpanija lill-anzjani

Fl-intervent tiegħu Dott. Gonzi nnota li f’din l-edizzjoni, anki b’differenza ma’ edizzjonijiet passati, kien hemm aċċenn partikolari fuq il-qari – riflessjoni tal-fatt li l-kotba u l-letteratura qegħdin iservu ta’ kumpannija lil ħafna anzjani parikolarment f’dawn iż-żminijiet meta l-anzjani fid-djar tal-anzjani u oħrajn, isibu ruħhom iżolati u maqtugħa fiżikament mill-familji tagħħom.

F’din l-okkażjoni saru messaġġi mill-President George Vella, Nazzareno Vassallo, chairman ta’ Vassallo Group u minn Natalie Briffa Farrugia, Kap Eżekuttiv tal-CareMalta Group. Pio Vassallo, il-Kap Eżekuttiv ta’ Vassallo Group u James Sciriha, direttur ta’ CareMalta, kienu preżenti wkoll.

Iċ-ċerimonja saret il-Palazz ta’ San Anton taħt il-patroċinju tal-President George Vella fejn kienet preżenti wkoll is-Sinjura Miriam Vella, mart il-President.

L-individwi u l-entitajiet l-oħra li ġew innominati kienu Kenneth Abela miċ-Ċentru Parrokkjali tan-Naxxar, Joseph Abela Galea Sindku ta’ Ħal Tarxien, Dianne Giordmaina mill-Malta Libraries, it-tim mid-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, Connie Bonnett miċ-Ċentru tal-Anzjanità Attiva fis-Siġġiewi, Missio, Josiah Grech minn Dar Saura, Malta Libraries, Mission Fund, Simblija Care Home, l-Università tat-Tielet Età u WasteServ Malta Ltd.

Ekonomija

Sport