Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Bdejt nilgħab il-futbol ta’ erba’ snin. Minn dejjem kien l-isport li ħabbejt sa mill-ewwel darba li missejt il-ballun!
U għaliex għażilt proprju r-rwol ta’ goalkeeper?
Mal-ewwel klabb tiegħi, Lija Athletic FC, ma kellniex goalkeeper dak iż-żmien u konna nbidlu bejnietna. Iżda meta miss li nkun jien fil-lasta, il-kowċ Karen rat xi ħaġa fija u qaltli li dik kienet il-pożizzjoni tiegħi. U minn dakinhar bqajt goalkeeper!
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Mġarr United FC.
Mal-klabb tal-Imġarr ili sentejn issa u ħa nibda t-tielet sena. Sfortunatament qatt ma kelli ċ-ċans nilgħab s’issa għax sentejn ilu weġġajt irkoppti u kelli noperaha. Iżda l-klabb dejjem għenni ħafna, kemm il-kumitat u anke l-plejers għax kien mument diffiċli ħafna għalija. J’Alla din is-sena, inkun nista’ nuri iżjed x’jien kapaċi nagħmel bejn il-lasti!
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda?
Fl-istaġun li għadda ġejna mat-top 6 fiċ-Challenge League, iżda għalkemm dan ma kienx riżultat ħażin, bit-talent li kien hemm l-istaġun li għadda kulħadd xtaq li nieħdu pass ieħor ‘il quddiem.
Kif qed tħarsu lejn l-istaġun li ġej?
L-istaġun huwa twil imma rridu neħduha logħba logħba. Għandna skwadra tajba b’ħafna talent imma issa rridu nuru dan fuq il-pitch!
X’tikkummenta fuq il-kowċ il-ġdid, Shaun Bajada?
Jien personalment ma nafux lill-kowċ Shaun Bajada, hekk kif dan hu l-ewwel staġun li ħa nkunu flimkien. Iżda mill-ftit drabi li tkellimna għandna l-istess fehma ta’ x’jistħoqqlu dan il-klabb u l-livell ta’ futbol li ħa nilagħbu.
U fuq l-assistent tiegħu, Kurt Baldacchino?
Lill-kowċ Kurt Baldacchino nafu ftit iżjed għax lejn l-aħħar tal-istaġun li għadda konna flimkien. Flimkien mal-kumitat afda fija li wara l-injury li kelli xorta waħda riedni parti mat-tim.
Kif tqis il-livell attwali tal-futbol lokali, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Il-livell tal-futbol Malti dejjem qiegħed jitjieb bilmod il-mod. Meta jkollok plejers li imdorrijin jilagħbu fil-Malta Premier u jinżlu fiċ-Challenge League, jgħollu l-kwalitá u l-intensitá tat-tim kollu.
U dak tal-grawnds fejn tilagħbu l-logħob uffiċjali tagħkom?
Il-grawnds li jintlagħbu fihom il-logħob taċ-Challenge League huma ta’ livell adekwat għalina, iżda wara ftit snin bis-sħana ta’ Malta dejjem jibdew jitilfu l-kwalitá tagħhom.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Rigward il-futur tiegħi, għadni kemm ġej minn injury li ħallietni żewġ staġuni barra mil-logħob. Dan l-istaġun irrid nużah biex nerġa’ intella’ l-kunfidenza tiegħi u nitgħallem kemm mill-kowċis, il-goalkeepers u l-plejers tat-tim. Kulħadd ikun jixtieq jilgħab, allura dejjem tajjeb li kulħadd jiġġieled għal postu.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
L-iżjed affarijiet importanti huma d-dedikazjoni u t-‘time-management’. Jekk tixtieq li tirnexxi fil-futbol jew kwalunkwe ħaġa, agħmel il-ħin għaliha u dejjem ħu ċ-ċans li jiġik!