Il-Pulizija qed tinvestiga lill-player leġġendarju Brażiljan ta’ Barcelona, Dani Alves, fuq allegat attakk sesswali f’nightclub Spanjol.
Rapporti qed isostnu li Alves kien il-persuna identifikata mill-vittma fuq il-post tal-allegat attakk sesswali. Il-player ta’ 39 sena – li għadu kif irritorna Spanja wara li kien parti mill-iskwadra tal-Brażil fit-Tazza tad-Dinja – ċaħad kull akkuża kontrih.
L-inċident seħħ fin-nightclub famuż ta’ Sutton, li ħafna drabi jospita l-istilel tal-belt Katalana. Skont il-midja Spanjola, il-mara involuta allegat li Alves poġġa idu ‘l isfel fil-qalziet ta’ taħt tagħha.
Kelliem għall-Pulizija reġjonali kkonferma li: “Qed ninvestigaw allegat attakk sesswali f’nightclub f’Barċellona li ntqal li seħħ fis-sigħat bikrin tas-Sibt”.
“Il-mara li għamlet l-allegazzjoni ġiet interrogata mill-Pulizija iżda għad trid tippreżenta lment formali bil-miktub f’għassa tal-pulizija.” Il-kelliem ma kkonfermax jekk ir-raġel inkwistjoni kienx l-eks player ta’ Barcelona.
Ir-rappreżentanti tal-football ikkonfermaw li Alves kien fil-post għal ftit ħin, iżda huwa ċaħad kull allegazzjoni kontrih.
Alves kien mar lura Barċellona, iżda ħalla lill-club Katalan matul is-sajf biex jingħaqad mal-ġganti Messikani UNAM Pumas.
Il-player ta’ 39 sena sar l-ixjeħ Brażiljan li rrappreżenta lil pajjiżu fit-Tazza tad-Dinja meta kellu jilgħab fit-telfa tas-Selecao 1-0 kontra l-Kamerun fil-Fażi tal-Gruppi.