Tuesday, February 3, 2026

Daniel Attard b’avveniment ta’ livell għoli fil-PE hekk kif javvanza x-xogħol fuq l-ewwel strateġija Ewropea għat-turiżmu sostenibbli

Aqra wkoll

L-Ewroparlamentari Daniel Attard organizza avveniment ta’ livell għoli fil-Parlament Ewropew bit-tema Europe for Tourism – Tourism for Europe, li ġabar flimkien politiċi, mexxejja tal-industrija u rappreżentanti tal-istituzzjonijiet Ewropej f’mument kruċjali għas-settur. L-avveniment kien ko-ospitat mal-MEP Nikolina Brnjac u sar b’kollaborazzjoni mal-European Travel Commission, filwaqt li kien indirizzat ukoll mill-Kummissarju Ewropew Apostolos Tzitzikostas.

Attard qed imexxi x-xogħol tal-Parlament Ewropew li se jikkontribwixxi għall-ewwel strateġija Ewropea għat-turiżmu sostenibbli. Dan l-avveniment kien parti minn sensiela ta’ laqgħat li kellu ma’ stakeholders tat-turiżmu u mal-Kummissjoni Ewropea, bil-għan li jissawwar mudell ta’ turiżmu li jkun kompetittiv, soċjalment ġust u responsabbli lejn l-ambjent ta’ madwarna.

Fid-diskors tiegħu, Attard enfasizza li s-saħħa tal-Ewropa fit-turiżmu tinsab fil-kwalità, fl-awtentiċità u fil-fiduċja ta’ dawk li jżuruna. Saħaq li l-problema ewlenija hija l-iżbilanċ: b’reġjuni li qed ibatu minn pressjoni żejda u oħrajn li għadhom esklużi mill-benefiċċji tat-turiżmu, ħafna drabi minħabba nuqqas ta’ konnettività adegwata. Il-konnettività għalhekk hija ċ-ċavetta biex jintlaħaq bilanċ ġust, speċjalment għal pajjiżi u reġjuni insulari, u biex is-sostenibbiltà ma tkunx biss ambjentali imma anke ekonomika u soċjali.

F’dan il-kuntest, Daniel Attard indirizza wkoll id-dimensjoni soċjali tat-turiżmu, fejn għamel enfasi fuq aktar investiment fil-ħiliet, fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, u fil-mobilità tal-ħaddiema. L-Ewroparlamentari Laburista tkellem ukoll fuq ir-rwol kruċjali tal-voluntiera li jżommu ħaj il-wirt kulturali Ewropew, u saħaq li dawn għandhom jiġu rikonoxxuti għall-kontribut kbir tagħhom lejn turiżmu ta’ kwalità. 

“L-Ewropa għandha timxi minn politika reattiva lejn viżjoni ċara u fit-tul favur turiżmu b’saħħtu li minnu jgawdi kulħadd, b’mod speċjali l-komunitajiet u l-ħaddiema.”

Fil-ġimgħat li ġejjin il-Parlament Ewropew se jkun qed jivvota fuq ir-rapport ta’ Daniel Attard, li se jwassal għall-ewwel strateġija Ewropea għat-turiżmu sostenibbli.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport