Wednesday, September 24, 2025

Daniel Attard imexxi 42 MEP f’talba lill-FIFA u l-UEFA biex jissospendu lit-timijiet Iżraeljani

Aqra wkoll

Inizjattiva immexxija mill-Ewroparlamentari Malti Daniel Attard, u appoġġjata minn 42 MPEs, talbet lill-FIFA u lill-UEFA biex jieħdu azzjoni urġenti kontra l-Assoċjazzjoni tal-Futbol Iżraeljana li qed tikser b’mod kontinwu r-regolamenti tagħhom stess.

F’żewġ ittri indirizzati lill-President tal-FIFA Gianni Infantino u lill-President tal-UEFA Aleksander Čeferin, l-MPE jindikaw kif diversi klabbs Iżraeljani li jinsabu fiż-żoni okkupati illegalment fil-Palestina qed jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet domestiċi mingħajr il-kunsens tal-Assoċjazzjoni tal-Futbol Palestinjana (PFA). Dan jirrappreżenta ksur ċar u kontinwu tar-regolamenti tal-FIFA u tal-UEFA.

L-ittri jenfasizzaw ukoll ir-restrizzjonijiet sistematiċi fil-futbol Palestinjan inkluż restrizzjonijiet fil-moviment tal-plejers, attakki fuq istituzzjonijiet sportivi u ħsarat fuq faċilitajiet li kollha jxekklu d-dritt tal-plejers u l-partitarji Palestinjani li jipparteċipaw b’mod ugwali fil-futbol.

L MPEs qegħdin jitolbu lill-FIFA u lill-UEFA biex:

          •         Jissospendu lit-timijiet Iżraeljani minn kull kompetizzjoni internazzjonali sakemm terġa’ tinkiseb il-konformità mar-regolamenti u mal-liġi internazzjonali;

          •         Jinfurzaw ir-regolamenti tagħhom u jwaqqfu minnufih il-parteċipazzjoni tal-klabbs Iżraeljani li jinsabu fiż-żoni okkupati illegalment;

          •         Iżommu lill-Assoċjazzjoni tal-Futbol Iżraeljana responsabbli għall-ksur tar-regolamenti;

          •         Jiggarantixxu d-drittijiet sħaħ u ugwali tal-Assoċjazzjoni tal-Futbol Palestinjana.

“Meta r Russja invadiet lill-Ukrajna, il-FIFA u l-UEFA ħadu deċiżjoni fi ftit jiem. Il-kredibbiltà tiddependi fuq il-konsistenza, l-istess prinċipji jridu japplikaw illum,” saħaq Attard.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport