Thursday, September 4, 2025

Daniel Attard jiltaqa’ mal-eks Prim Ministru Palestinjan Dr Mohammad Shtayyeh

Aqra wkoll

L-Ewroparlamentari Laburista Daniel Attard ħa sehem f’laqgħa mal-eks Prim Ministru Palestinjan, Dr Mohammad Shtayyeh, li serva bħala Prim Ministru bejn l-2019 u l-2024. Din il-laqgħa saret f’mument kruċjali, hekk kif il-poplu Palestinjan qed ikompli jsofri dak li mhu xejn ħlief ġenoċidju, imwettaq mill-Gvern Iżraeljan immexxi minn Benjamin Netanyahu.

Matul id-diskussjoni, Dr Shtayyeh rrikonoxxa l-kuraġġ tad-Deputati Ewropej li jkomplu jsemmgħu leħinhom u jiddefendu d-drittijiet tal-poplu Palestinjan. Huwa tenna li r-rikonoxximent tal-Istat tal-Palestina m’għandux jitqies bħala kastig għall-Iżrael, iżda bħala espressjoni leġittima tad-dritt inaljenabbli tal-Palestinjani li jfasslu l-futur tagħhom f’pajjiżhom stess.

L-eks Prim Ministru enfasizza l-passi importanti li ttieħdu minn bosta Stati Membri tal-UE, fosthom Malta, lejn ir-rikonoxximent tal-Istat ta’ Palestina. Huwa saħaq li lil hinn mis-simboliżmu, dan il-pass jimla qlub il-Palestinjani bit-tama u jibgħat messaġġ qawwi u ċar lill-Gvern Iżraeljan biex itemm l-okkupazzjoni illegali tat-territorji Palestinjani.

Fl-intervent tiegħu, Attard saħaq li “huwa skandaluż u bla ebda ġustifikazzjoni li sal-lum, filwaqt li eluf ta’ nisa, tfal u nies innoċenti qed jinqatlu u jindifnu taħt it-trab ta’ djarhom, l-Unjoni Ewropea għadha ma sabitx il-kuraġġ biex tikkundanna lill-Gvern Iżraeljan, li jibqa’ jikkommetti delitti kontra l-umanità.”

Huwa esprima t-tama tiegħu li l-UE “fl-aħħar issib leħinha u turi l-konsistenza u l-kuraġġ meħtieġ biex mill-kliem tgħaddi għal azzjoni konkreta.” Attard kompla jgħid li “huwa b’hekk biss li l-Unjoni Ewropea tista’ titkellem bi kredibbiltà u tittieħed bis-serjetà fuq livell dinji.”

Flimkien mal-MEPs l-oħrajn preżenti, Attard tenna l-impenn tiegħu li jkompli bl-isforzi tiegħu favur il-paċi u l-ġustizzja għall-Istat u l-poplu Palestinjan.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport