Friday, December 13, 2024

“Daqq sas-siegħa jrid ikun f’livell moderat u l-ebda mużika ma tindaqq wara”

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li kien Gvern Laburista li wara l-2013, reġa’ ta l-Belt Kapitali lura lill-poplu Malti u Għawdxi. Qal li bil-proġetti li għamel dan il-Gvern wieħed wara l-ieħor reġa’ qajjem mill-ġdid il-Belt Valletta.

Huwa għamel referenza għal diversi proġetti infrastrutturali li saru u li jkomplu jkabbru l-valur storiku tal-Belt Valletta fosthom Ġnien Laparelli u Pjazza Tritoni. Dan apparti l-attivitajiet li jittellgħu minn żmien għall-ieħor f’din il-lokalità li jinkludu kunċerti u anke l-Pageant of the Seas. 

Il-Ministru Bonnici qal li llum għandna sitwazzjoni fejn permezz ta’ dawn l-Avviżi Legali, f’uħud mill-postijiet tal-Belt, f’numru ta’ toroq, dawn jistgħu joperaw għal sigħat aktar mill-11.00 p.m. “Għandna pożizzjoni li jekk tidħol fil-Belt u rajt performance, fil-ħdax ta’ filgħaxija minflok imorru Tas-Sliema jew San Ġiljan biex jieħdu xi ħaġa issa se jkollna opportunità biiex il-familji u t-turisti jkomplu jieħdu pjaċir u jgawdu l-esperjenza tal-Belt Valletta. Għall-Oppożizzjoni dan kollu ħażin.”

Hawn il-Ministru Bonnici spjega li l-Avviż Legali jgħid ukoll li meta tindaqq mużika f’post kummerċjali li għalih japplika wara l-11.00 p.m., il-volum għandu jinżamm f’livell moderat. “Ara din l-Oppożizzjoni ma tgħidhiex. L-Oppożizzjoni din il-parti fejn qed ngħidu li fis-sigħat estiżi jrid ikun hemm mużika moderata qed tħalliha barra. L-Avviż Legali biex joħloq dan il-bilanċ qed jgħid li meta jkun hemm daqq sas-siegħa jrid ikun f’livell moderat u l-ebda mużika ma tindaqq wara s-1.00 a.m.”

Il-Ministru Bonnici nnota li l-Oppożizzjoni sfortunatament qiegħda tipprova tippolitiċizza u tiskurja punti politiċi minn din il-kwistjoni. “Hekk kif dan l-Avviż Legali jkompli jitħaddem u jimxi ‘l quddiem, konvint li l-biża’ li partijiet mill-Oppożizzjoni pprovaw irewħu, li se nbiddlu l-Belt f’Paceville meta assolutament mhux il-każ, in-nies se jirrealizzaw li s-sabiħ tal-Belt hi li tkun ħajja, vibranti.”

Tenna li l-Oppożizzjoni pprovat iddawwar din il-kwistjoni f’ballun politiku li qatt m’għandu jkun. Kien hawn fejn appella lill-membri tal-Oppożizzjoni li jekk iridu li l-Belt tkompli miexja ‘l quddiem, tkompli tkun kalamita tat-turiżmu ta’ kwalità fejn nenfasizzaw l-aspetti patrimonjali, storiċi u kulturali tal-Belt, irridu ninċentivaw li meta jkun hemm attivitajiet fil-Kapitali, il-familji u anke turisti jkunu jistgħu jkomplu jgawdu l-Belt.

“Kollox bil-bilanċ u moderazzjoni. Qed nillimitaw in-numru ta’ toroq mhux il-Belt kollha u hemm obbligu li l-mużika tinżamm moderata u neżiġu li dan l-obbligu jiġi mħares sabiex jintlaħaq dan il-blanċ,” tenna l-Ministru Bonnici.

Ekonomija

Sport