Iċ-Ċentru Reġjonali tas-Saħħa Ċensu Moran f’Raħal Ġdid li beda jilqa’ l-ewwel pazjenti ġimagħtejn ilu kompla jżid is-servizzi mediċi li joffri lill-pazjenti tant li minn ftit servizzi fil-bidu tiegħu, din il-ġimgħa nieda sitta oħra fosthom klinika tal-Immunoloġija li tiffoka fuq dijanjosi u kura ta’ mard relatat mas-sistema immunitarja bħal allerġiji, mard awto immuni u immunodefiċjenzi. Din il-klinika se titħaddem minn konsulent ġdid li ġie lura minn 10 snin jaħdem fl-Amerika.

Dawn is-servizzi ġodda li se jkomplu jiżdiedu fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin ġew spjegati lil L-Orizzont minn Dominic Mintoff, Direttur Ġenerali tas-Secondary Healthcare Services. Fost servizzi oħra li bdew fil-jiem li għaddew hemm il-manometrija, podjatrija, fiżjoterapija, klinika respiratorja u klinika tal-ortopedija. S’issa aktar minn 1,000 pazjent għamlu użu mill-MRI f’dan iċ-Ċentru.

Is-Sur Mintoff qal li fost it-titjib li se jkun introdott hemm sistema ġdida bil-għan illi jinżammu l-ħinijiet tal-appuntamenti sabiex in-nies ma jkollhomx għalfejn jistennew ħin żejjed bla bżonn. Fil-ġimgħat li ġejjin mistenni jiġu aktar servizzi ġodda bħal servizz ta’ tabib bl-appuntament, li hemm ħeġġa kbira għalihom u kif ukoll se jibdew is-servizzi tal-X Rays.
Barra minn dawn is-servizzi li ġew introdotti, Mintoff żvela wkoll li fil-ġimgħat li ġejjin se jinfetaħ sular ieħor għal servizzi ta’ apuntamenti tal-bone density. Dan kollu se jwassal għal aktar effiċjenza fis-servizzi offruti u huwa mistenni wkoll li jnaqqas il-pressjoni minn fuq sptarijiet oħra fosthom l-Isptar Mater Dei.