John Agius u Althea Ciantar kisbu suċċess fil-Malta Premier League of Darts hekk kif rebħu l-finali rispettiva tagħhom sabiex ġew dikjarati bħala champions.
Fil-kategorija tal-irġiel, John Agius għeleb lil Albert Scerri 5-4 wara finali ferm eċitanti u inċerta sal-aħħar. Kienet sfida bejn żewġ kollegi li jilagħbu fl-istess tim ta’ Qormi Hockey Club A.
Agius, li għandu 34 sena u ilu jilgħab id-darts għal dawn l-aħħar disa’ snin, kellu triq ferm twila sabiex wasal għal dan is-suċċess wara li spiċċa fl-ewwel post tal-grupp tiegħu fejn saħansitra rebaħ il-logħbiet kollha li lagħab.
Sadanittant fis-semifinali li ntlagħbu aktar qabel, John Agius ħareġ rebbieħ fuq Tony Borg 5-1 filwaqt li Albert Scerri għeleb lil Norbert Attard 5-4.
Anke Althea Ciantar setgħet tiċċelebra r-rebħ tal-Premier League of Darts fis-sezzjoni femminili wara li fil-finali ftit sabet diffikulta’ sabiex rebħet 3-0 lil Kelly Harvey.
Il-kategorija femminili kienet magħmula minn erba’ kompetituri b’Ciantar tirbaħ il-logħbiet kollha li lagħbet filwaqt li aċċertat ruħha mill-ewwel post.
Ciantar għandha 25 sena u ilha tilgħab id-darts għal dawn l-aħħar ħames snin. Hi tilgħab ma’ Ħamrun Education Ladies.
Din l-edizzjoni tal-Malta Premier League of Darts, li saret f’ristorant f’Marsaskala, reġgħet irritornat wara nuqqas ta’ tliet snin minħabba l-pandemija tal-COVID-19.