Monday, December 9, 2024

Darts: Norbert Attard itemm stennija ta’ 21 sena

Aqra wkoll

Norbert Attard itemm stennija ta’ 21 sena wara li rebaħ is-Singles tal-Irġiel tal-Malta International Darts Open

Il-plejer tad-darts Norbert Attard rebaħ il-kategorija singles tal-irġiel fl-International Darts Open li sar fi tmiem din il-ġimgħa wara li fil-finali għeleb lill-Iżvizzeru Thomas Junghans 5-2.

Kienet wirja impekkabbli tal-plejer espert Malti li qatt ma ta ċans lil Junghans jidħol fil-logħba. L-istess Attard sa ċertu punt kiteb paġna ġdida fl-istorja tad-darts lokali wara li kien ilu 21 sena li Malti jirbaħ dan it-turnew li jsir kull sena f’pajjiżna.

Attard kellu mixja twila sakemm wasal għar-rebħa finali wara rebħiet kontra Daniel Bauerdick (4-1), Colin Littlecot (4-0), Vassallis Andreanidis (4-1), Stephan Cobau (4-0), Albert Scerri (4-3), Marcus Maier (4-1) u Andrew Davidson (4-1).

Tul dawn it-tlett ijiem kien hemm diversi kategoriji fejn fl-Open tan-nisa, kienet l-Olandiża Lerena Lietbergen li rebħet lill-Ġermaniża Lisa Zollikofer 5-2.

Fid-doubles tal-irġiel kien hemm ir-rebħa tal-Iskoċċiżi Andy Davidson u Owen Whiteside kontra l-Belġjani Sven Slock u Alain Van Spitael 4-2.

F’din il-kompetizzjoni, l-iktar Maltin li avvanzaw kienu Jonathan u Noel Bilocca kif ukoll Omar u Kevin Aquilina li sfaw eliminati fil-kwarti tal-finali.

Fid-doubles tan-nisa, Lisa u Lena Zollikofer tal-Ġermanja rebħu lill-koppja Laura u Nece Turner mill-Ingilterra 4-1. Josianne Caruana u Marconia Zammit Borg kienet l-iktar koppja Maltija li avvanzat sal-kwarti tal-finali.

Fis-singles tal-irġiel, ir-rebħa marret għand l-Iskoċċiż Andrew Davidson li fil-finali għeleb lil Darren Johnson mill-Ingilterra 5-2. Norbert Attard kien l-iktar plejer li avvanza meta wasal sal-aħħar 16 iżda tilef kontra l-Ingliż Maryn Turner 4-2.

Fis-singles tan-nisa, ir-rebħa marret l-Olandiża Kimm Palstra 5-2 kontra l-Ġermaniża Lisa Zollikofer 5-2. Kienet il-Maltija Marconia Zammit Borg li avvanzat fil-fażi tal-aħħar 32.

Fl-Open Youth l-Olandiż Milan Brinkman għeleb lill-Belġjan Luca Hessens 5-1. Hawnhekk kellna ż-żagħżugħ Thomas Sammut li saħansitra wasal sas-semifinali u kien żvinturat li ma kkwalifikax wara telfa ta’ 4-3 kontra r-rebbieħ eventwali Brinkman.

Fl-Istanding Para Darts, suċċess għall-Ingliż Jonathan Hirst li għeleb lill-kompatrijott Michael Austin 4-2.

Finalment fil-Wheelchair Paradarts, il-Malti Bradley Zerafa wasal sal-finali ta’ din il-kompetizzjoni għalkemm ġie megħlub mill-Ingliż Darren Kennish 4-0.

Ekonomija

Sport