Hekk kif intlagħbet it-tieni ġurnata tal-Malta Darts International Open, ilbieraħ saret il-fażi tal-aħħar sittax fejn b’xorti ħażina l-plejers Maltin John Ciantar, Norbert Attard, John Agius, Albert Scerri u Mario Sciascia kollha nqalgħu mill-avversarji rispettivi tagħhom.
Madankollu Enrico Scerri rnexxielu jgħaddi għall-kwarti tal-finali wara li rebaħ lis-seed numru 5 tad-dinja l-Olandiż Erik Van Manen 4-2 sabiex fir-round ta’ wara elimina lill-plejer mill-Estonja Raivo Lehtmae 4-0. B’hekk Scerri se jkun fl-azzjoni llum kontra l-Iskoċċiż Mario Barilli li hu rrankjat fir-raba’ post tal-klassifika tal-World Darts Federation.
Sadanittant illum tintlagħab l-aħħar ġurnata ta’ dan it-turnament prestiġġjuż b’mod partikolari s-semifinali u l-finali tal-kategoriji rispettivi.
Russ Bray, il-caller leġġendarju tal-PDC se jkun qed jgħajjat il-logħob tal-finali waqt li jkunu ppreżentati minn Laura Turner, plejer Ingliża u membru fl-eżekuttiv tal-World Darts Federation.