Il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-15-il sena (U15), Davide Mazzotta, ħabbar l-iskwadra finali tiegħu ta’ 14-il plejer għall-ewwel edizzjoni tal-FIFA U15 World Cup and Festival, li se ssir f’Baku, l-Azerbaigan, mit-22 sat-30 ta’ Ottubru.
It-turnew se jsir fil-Kumpless tal-Kompetizzjoni ta’ Hovsan, u se jintlagħab b’format ta’ tmien plejers kontra tmienja, b’żewġ taqsimiet ta’ 20 minuta kull waħda. Malta ġiet imtellgħa fi Grupp Z flimkien mal-Kenja, in-Niġer, iċ-Ċad, il-Maċedonja ta’ Fuq u l-Panama.
Iż-żgħażagħ Maltin se jibdew l-impenji tagħhom kontra l-Kenja fl-24 ta’ Ottubru, u wara jilagħbu kontra n-Niger u ċ-Chad fil-25 ta’ Ottubru. L-impenji tagħhom fil-fażi tal-gruppi jintemmu fis-26 ta’ Ottubru b’logħbiet kontra l-Maċedonja ta’ Fuq u l-Panama.
Mazzotta għażel lill-goalkeepers Zack Pule (St Andrews) u Sheldon Xerri (Pietà Hotspurs). Il-plejers l-oħra huma James Azzopardi, Lee Bonanno u Andvic Inguanez (Valletta); Zven Cutajar, Logan Farrugia u Enzo De Freitas Romao (Pietà Hotspurs); Nathan Fasanelli (Ħamrun Spartans); Isaac Montebello (St Andrews); Zyan Refalo u Declan Roosevelt Zammit (Hibernians); kif ukoll Nikolai Vella Giordmaina u Beppe Melarosa (Sliema Wanderers).
Din il-kompetizzjoni se toffri lill-plejers żgħażagħ Maltin esperjenza internazzjonali siewja, u tagħtihom l-opportunità li jittestjaw il-ħiliet tagħhom kontra avversarji minn kontinenti differenti, filwaqt li jirrappreżentaw lil pajjiżhom bi kburija fuq ix-xena internazzjonali.




