Aktar kmieni fil-Moskea ta’ Raħal Ġdid ingħata l-aħħar tislima Lassane Cisse. Il-katavru tal-ewwel vittma ta’ qtil razzjali f’pajjiżna ma kienx preżenti iżda fil-post sar xi talb minn grupp ta’ nies li attendew.
F’diskors li għamel l-Imam Mohammed Elsadi qal li filwaqt li llum nġabru biex jagħtu ġieħ lil Lassane, dan għandu jibqa’ mfakkar bħala mudell tal-komunità tal-immigranti. L-Imam sostna dwar l-importanza li ulied Lassane u familtu għandhom ikunu mħarsa u li jgħixu fis-sigurtà.

Rigward id-deskrizzjoni tal-qtil tiegħu bħala qtil razzjali, l-Imam qal li dawk li qatlu lil Lassana ma jirrappreżentawx lill-poplu Malti li huwa magħruf għall-ġenerożità u l-ospitalità tiegħu.

Elsadi qal ukoll li jinsab fiduċjuż li l-awtoritajiet Maltin se jagħmlu ġustizzja mal-mibki Lassana u kompla biex jisħaq dwar l-importanza li ngħixu bħala aħwa fil-komunità

Arċisqof Charles J. Scicluna rringrazzja lill-Imam talli laqa’ lil dawk li ħassew li kellhom jagħtu l-aħħar tislima lil Lassana fil-Moskea u tat-talb li sar f’ġieħ il-vittma.
Scicluna esprima n-niket tiegħu għall-fatt li l-komunità kellha tiltaqa’ fil-Moskea biex issellem lil raġel li kellu ħolm, tamiet u proġetti li taru mar-riħ minħabba tiri sparati b’nuqqas ta’ rispett u mibegħda.

Lassana Cisse huwa l-immigrant li nqatel fis-6 ta’ April tal-2019 fl-età ta’ 42 sena. Il-missier ta’ żewġt itfal inqatel waqt li kien miexi għall-affari tiegħu fit-triq fil-limiti ta’ Birżebbuġa.