Friday, December 13, 2024

“Dawn l-aħħar sentejn fakkruna kemm hu essenzjali li jkollok gvern b’qalb soċjali” – Byron Camilleri 

Aqra wkoll

L-Onorevoli Byron Camilleri twieled u trabba l-Fgura minn Benny (eks ħaddiem tat-Tarzna) u Ruth (mara tad-dar). Attenda l-iskola primarja tal-Fgura, il-Kulleġġ San Elija, il-Junior College u l-Università ta’ Malta fejn studja l-Liġi. Għarus lil Salome u beħsiebhom jiżżewgu s-Sajf li ġej wara li biddlu d-data diversi drabi minħabba l-Covid-19. Camilleri huwa wkoll sid ta’ kelba bl-isem ta’ Quinn u ma jfallix logħba tal-AC Milan. 

Minn fejn bdiet din l-imħabba għall-attiviżmu u għall-politika?

“Meta tlift lil missieri ta’ età żgħira għaraft li kien hemm politiċi li ħadu deċiżjonijiet sabiex persuni bħali jkun jista’ jkollhom opportunitajiet daqs ħaddieħor. Bis-saħħa ta’ dawn id-deċiżjonijiet stajna nibqgħu għaddejjin bħala familja, u stajt nistudja l-Università — dak li dejjem xtaqt. Hemmhekk għaraft li issa kien wasal iż-żmien li jien nagħti xi ħaġa lura sabiex aktar persuni jkollhom futur aħjar”. 

X’inhu s-sigriet biex Byron jagħmel dan kollu u jsib ħin għal kollox?

“Mhux faċli, speċjalment f’Ministeru bħalma hu tal-Intern li m’għandux ġranet jew ħinijiet. Iżda jekk ma tagħrafx issib bilanċ, b’mod speċjali għal dawk l-aktar għeżież għalik, il-ħajja ma tkunx kompluta”. 

Skont Dr Camilleri, x’inhuma l-akbar sfidi li qed jitkellmu fuqhom in-nies li jiltaqa’ magħhom ta’ kuljum waqt il-home visits?

“Kulħadd jgħidlek l-istorja tiegħu, u dak li hu importanti għal wieħed, mhux bilfors importanti għall-ieħor. L-anzjani jkellmuk fuq il-pensjoni, iż-żgħażagħ ikellmuk dwar kif l-istat ser iservi ta’ spalla biex jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom, filwaqt li l-ħaddiema jitolbuk li l-Gvern jibqa’ joħloq pajjiż tal-opportunitajiet. Tista’ tgħid li kollox idur mal-kwalità tal-ħajja tan-nies”. 

Tlabna lil Byron jispjegalna kemm għadu validu t-twemmin politiku li jenfasizza ħafna fuq il-prinċipji Soċjalisti li għadu jħaddan il-Partit Laburista

“Dawn l-aħħar sentejn waqt il-pandemija fakkruna kemm hu essenzjali li jkollok Gvern b’qalb soċjali. B’hekk stajna nsalvaw l-impjiegi, insalvaw il-kwalità tal-ħajja tal-familji, u noffru bażi soda ta’ stabbilità fl-iktar żmien ta’ sfida”. 

Jekk Byron jerġa’ jingħata l-fiduċja, x’timbru jixtieq iħalli bħala membru parlamentari?

“Nixtieq li l-fiduċja tan-nies inkompli nsarrafha f’aktar drittijiet u kundizzjonijiet aħjar lill-ħaddiema, filwaqt li ntejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd”.

Il-Partit Laburista fil-Gvern issa diġà għamel bosta riformi. Fis-snin li ġejjin, Byron kif jara li l-Partit jista’ jibqa’ qrib il-poplu u jibqa’ jiġġedded?

“Għamilna ħafna riformi, iżda jeħtieġ li nagħmlu aktar. Jeħtieġ li kull persuna tħoss li hija wkoll ċittadina importanti ta’ dan il-pajjiż. Inħares ’il quddiem li nagħmlu l-emendi li hemm bżonn fil-liġi tal-IVF fl-ewwel 100 ġurnata ta’ leġiżlatura ġdida”. 

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, Dr Byron Camilleri xtaq iwassal messaġġ finali  lill-elettorat Malti u Għawdxi…

“L-għażla ta’ nhar is-Sibt hija dwar x’tip ta’ futur irridu f’pajjiżna. L-għażla bejn min kien spalla ma’ spalla mal-familji Maltin u Għawdxin fl-aktar żmien ta’ sfida, u bejn min ħela ħames snin fi ġlied intern. Il-Partit Laburista biss jista’ jiggarantixxi futur sabiħ, billi nagħżlu lill-kandidati kollha tal-Partit Laburista”. 

Ekonomija

Sport