Monday, April 29, 2024

Dawn min se jġibhom lura?

Aqra wkoll

Gvern elett demokratikament bil-vot tal-poplu huwa primarjament obligat li l-fiduċja li tah il-poplu jroddha lura billi jħares l-interess nazzjonali u jipproteġi l-assi strateġiċi tal-pajjiż. Biex jasal jagħmel dan, gvern irid ikollu viżjoni politika u ekonomika li twassal biex il-ġid tal-pajjiż jikber, jissaħħaħ u jitqassam mal-poplu inġenerali.

Sfortunatament iżda kien hemm bosta drabi fejn l-interess nazzjonali ma kienx protett meta assi stateġiċi li kellu pajjiżna nbiegħu lill-barrani. 

Storikament, pajjiżna kien kolonja u għal għexieren ta’ snin kellu lħitu f’idejn il-barrani. Huwa naturali li l-kolonizzatur jieħu l-assi tal-pajjiiż f’idejh biex jipproteġi l-interessi tiegħu kif huwa naturali wkoll li b’viżjoni, il-pajjiż li kien kolonja jibda jieħu lura l-assi minn idejn il-barrani permezz ta’ proċess ta’ nazzjonalizazzjoni, kif wara kollox beda jsir fis-snin sebgħin.

Pajjiżna hekk għamel. Immedjatament wara li qata’ l-ktajjen tal-kolonjaliżmu beda jibni l-istitużżjonijiet u l-azjendi biex isostni l-ekonomija. Istituzzjonijiet u azjendi dawn, li kienu tant kruċjali fil-binja tal-ekonomija biex pajjiżna seta’ wkoll iniedi l-welfare state. 

Il-viżjoni ekonomika u politika kellha tkun li jiġu pprivatizzati ċertu azjendi pubbliċi lill-imprendituri Maltin flimkien mal-poplu inġenerali b’xiri ta’ ishma permezz tal-Borża ta’ Malta. Dan biex il-qliegħ tagħhom jibqa jiċċirkola fl-ekonomija Maltija filwaqt li l-istess imprendituri jkollhom l-opportunita li jinternazzjonalizzaw l-azjendi tagħhom għal ġid tal-ekonomija Maltija nġenerali. 

Wara s-sentenza tal-Qorti Ċivili li rrevokat il-konċessjonijiet li Steward Healthcare kellhom ta’ tliet spartijiet Maltin, dawk li llum qed jgħajtu biex il-Gvern iġib lura l-flus li ħadu Steward Healthcare matul is-snin, fejn kienu meta l-assi tal-poplu Malti bdew jingħataw lura bir-ribass lill-barrani? 

Fejn kienu dawn in-nies meta l-Gvern Nazzjonalista biegħ il-Mid-Med Bank lil bank barrani HSBC għal 83 miljun lira meta l-Mid Med Bank kien stmat li jiswa man-nofs biljun lira? 

Mhux hekk biss imma agħar minnhekk, minħabba l-privatizazzjoni tal-Mid Med Bank id-dividendi tal-HSBC mhux biss ma komplewx jiċċirkolaw aktar fl-ekomija Maltija, għax bdew jinħarġu barra pajjiżna, imma wkoll tajnieh il-privileġġ li jgawdi minn tnaqqis sostanzjali tat-taxxa, privileġġ li qiegħed hemm biex jingħata lil investiment barranin ġdid. 

U kulħadd jaf x’ġara wara. L-HSBC ċkien meta l-ekonomija ta’ pajjiżna kibret u llum huwa n-nofs bħala operat ta’ dak li kien meta xtara l-Mid Med Bank. Naqqas il-ħaddiema u naqqas ukoll is-servizzi li kien joffri lill-klijenti. U min refa’ r-responsabbilta għal dan kollu? Hadd!

L-istess jista’ jingħad ghall-ajruport internazzjonali ta’ Malta li nbiegħ lil kumpanija Awstrijaka. L-MIA kien u għadu jagħmel profitti kbar iżda l-poplu Malti m’hu jieħu xejn minn dan kollu. Għax mhux li tipprivatizza  jgħodd imma li jekk se tasal għal proċess ta’ privatizazzjoni, l-ewwel missu sar ma imprendituri Maltin, biċ-ċans ukoll li l-poplu jipparteċipa fihom permezz tal-Borza ta’ Malta. Hawnhekk ukoll, min se jġib lura l-flus li pajjiżna tilef u għadu jitlef mill-privatizazzjoni tal-MIA?

Imbagħad hemm l-iskandlu tal-isptar Mater Dei. Dan mhux biss dam 17-il sena biex tlesta imma wkoll sewa lil poplu mal-Lm165 miljun   aktar u minn stima ta’ Lm 82 miljun  tela’ għal Lm 247 miljun. Imbagħad hemm ukoll miljuni oħra li ħadd ma jaf x’sar minnhom jew fejn marru. 

U biex l-iskandlu ta’ Mater Dei ikompli jinħema, il-Gvern Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien neħħa minn fuq il-kumpanija li bnietu kull responsabbilta għal ħsarat jew xogħol li seta’ sar ħażin. Min se jħallas għal dan? Min se jġib lura flus il-poplu li ntefqu iżjed. Tgħid se jkunu dawk li llum qed taħraqhom qalbhom għall-intess nazzjonali?

Hemm iktar skandli x’jissemmew bħalma huma l-għeluq tas-Sea Malta, il-bejgħ tal-Maltacom, il-bejgħ tat-Tarzna u tant intrapriżi oħra li kienu tal-poplu Malti u li llum m’għadhomx. Dawn kollha min se jġibhom lura? 

L-investiment barrani dirett għandu jibqa’ jiġi nkoraġġit biex nattiraw aktar investiment ġdid bħalma kien fil-każ tal-kumpanija Crane u mhux kif sar meta kumpaniji li ġew nazzjonalizzati reġgħu ngħataw lura lil barrani b’kontroll assolut tal-ishma tal-kumpaniji.

B’konsegwenza ta’ dan, mhux biss il-qliegħ tagħhom spiċċa barra l-ekonomija nazzjonali imma wkoll li jħallsu taxxa baxxa ta’ 5 fil-mija. Meta sar hekk l-industrijalisti Maltin ġew imċaħħda milli jkomplu jikbru u jimirħu barra minn xtutna.

Il-viżjoni kellha tkun dik ta’ mudell ekonomiku li fih jipparteċipaw il-poplu, l-investituri Maltin u s-sħab strateġiċi fejn hemm bżonn, iżda li dawn ta’ l-aħħar  ma jkollhomx kontroll assolut.

Sport