Tuesday, May 14, 2024

SANZJONIJIET LI QED JOĦOLQU TBATIJIET ŻEJDA

Aqra wkoll

Proprju fl-anniversarju tal-ewwel sena mill-invażjoni mir-Russja fl-Ukrajna, l-Istati u l-Unjoni Ewropea imponew sett ieħor ta’ sanzjonijiet fuq ir-Russja. L-aħħar sanzjonijiet hu stmat li jlaħħqu valur ta’ minn tal-inqas ħdax-il biljun ewro f’esportazzjoni mill-Unjoni Ewropea, kif ukoll tinkludi li propogandisti jitpoġġew f’lista sewda. Għall-ewwel darba is-sanzjonijiet se jolqtu lill-gwardja rivoluzzjonarja tal-Iran li qed tgħin lill-Kremlin militarment.

Qabel dawn is-sanzjonijiet kienu saru diversi sanzjonijiet oħra li permezz tagħhom madwar 200 persuna u entitajiet tpoġġew fuq il-lista tas-sanzjonijiet fosthom il-Forzi Armati Russi u tliet banek oħra Russi. Fis-sanzjonijiet hemm kontrolli fuq l-esportazzjoni u restrizzjonijiet fuq kimiċi, nerve agents, komponenti elettroniċi u tal-IT li jistgħu jintużaw mir-Russja. Apparti dan l-Unjoni Ewropea qatgħet l-aċċess lir-Russja għad-drones u pproponiet projbizzjoni fuq l-esportazzjoni diretta tal-magni tad-drones lir-Russja u lil pajjiżi terzi bħal l-Iran li jistgħu jissupplixxu lir-Russja.

Quddiem dawn is-sanzjonijiet li iqumu għadd ta’ mistoqsijiet. Is-sanzjonijiet qegħdin ikunu effettivi? Qegħdin jilħqu l-iskop tagħhom? Hu fatt li s-sanzjonijiet ma wasslux sa issa għat-tmiem tal-gwerra. Fuq kollox min qed iħoss l-aktar effett ta’ dawn is-sanzjonijiet. L-Unjoni Ewropea jew aħjar iċ-ċittadini tagħha kif intlaqtu minn dawn l-istess azzjonijiet imposti mill-Unjoni Ewropea. Irridu infakkru li pajjiżna ħa miżuri biex jitnaqqas l-impatt u dan billi l-kontijiet tal-enerġija u l-prezz tal-fjuwil jinżammu stabbli u fl-istess livell li kienu. Dan ifisser li l-pajjiż qed jerfa’ piż ta’ miljuni kbar ta’ Ewro biex inżammu stabbli.

Hu stabbilit illum li s-sanzjonijiet aktar mhu jgħaddi żmien aktar qegħdin jolqtu b’mod negattiv lir-Russja. Jekk wieħed janalizza rapporti li nħarġu mill-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija, isib li f’sena, bejn Jannar tas-sena 2022 u Jannar ta’ din is-sena, ir-Russja ilfet 38 fil-mija dħul mill-esportazzjoni taż-żejt u l-gass. It-$30 biljun li kienet daħħlet f’Jannar ta’ sena ilu, niżlu għal $18.5 biljun f’Jannar ta’ din is-sena. Hu mistenni li għax-xhur id-dħul finanzjarju se jkompli jonqos.  Wieħed irid iżommu f’moħħu li qabel bdiet din il-gwerra, ir-Russja kienet l-akbar sors ta’ enerġija għall-Ewropa. Filfatt hi kienet tipprovdi madwar 29 fil-mija tal-importazzjoni taż-żet tal-Unjoni Ewropea u 43 fil-mija tal-gass tal-Unjoni Ewropea. Kien hemm ħidma għaddejja biex il-provvista tal-gass mir-Russja lejn l-Ewropa jiżdied bi tlett darbiet u dan permezz tan-Nordstream 2 Pipelines.

Lil hinn minn dan, is-sanzjonijiet u l-gwerra fl-Ukrajna wasslu għal rata ta’ inflazzjoni qawwija. Prezzijiet ta’ materja prima għolew sostanzjalment. Il-prezz taż-żejt għola ukoll u dawn wasslu biex għollew il-prezzijiet ta’ għadd kbir ta’ prodotti tal-ikel. Inħolqu sitwazzjonijiet diffiċli fil-pajjiżi kollha Ewropej. Dan wassal anke għal protesti vjolenti. Issa hemm pajjiżi bħall-Greċja li qed jitkellmu fuq miżuri biex jikkontrollaw l-inflazzjoni fuq prodotti essenzjali. Pjani simili qed ikunu diskussi fi Spanja u Franza.

Il-gwerra u s-sanzjonijiet wasslu biex illum l-impatt fuq il-livell tal-għixien taċ-ċittadini hu l-akbar tħassib. Dań hu konfermat ukoll mjinn rapport li ħareġ World Economic Forum. Illum hu fatt li ħafna persuni madwar id-dinja b’mod partikolari dawk fqar u vulnerabbli, qegħdin iħossu l-effetti qawwija taż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel. Filfatt l-aktar milqutin mill-inflazzjoni kienu iż-Żimbabwe b’inflazzjoni ta’ 285 fil-mija fuq il-prezzijiet tal-ikel, il-Venezuela b’158 fil-mija u l-Libanu u l-Arġentina b’143 fil-mija u 95 fil-mija rispettivament. Wara tiġi it-Turkija b’inflazzjoni ta’ 77 fil-mija.

Dawn is-sanzjonijiet għalkemm il-mira tagħhom hi l-ekonomija Russa, qegħdin jaffettewaw pajjizi Ewropej u ċ-ċittadini tagħhom. Qegħdin jaffettwawhom b’mod qawwi ħafna. Pajjizi Ewropew qed jirrappurtaw żieda qawwija fil-prezzijiet ta’ ikel essenzjali u qed ibassru li dan se jkompli għax-xhur li ġejjin. 

Sitwazzjoni bħal din toħloq effetti oħra negattivi. Fost dawn hemm dak li aktar mhu jgħaddi żmien, aktar qed ikun hemm ċittadini Ewropej li qed juru lima jaqblux mas-sanzjonijiet. Fis-Slovakkja per eżempju 49 fil-mija ta’ dawk li wieġbu stħarrig tal-Ewro Barometru qalu li ma jaqblux mas-sanzjonijiet.

Nemmnu li din hi sitwazzjoni perikoluża. Dan għax tista’ twassal biex fix-xhur li ġejjin iżżid l-iskuntentizza fost il-popli Ewropej. Bl-inflazzjoni tkompli tagħfas u bil-kwalità tal-ħajja tmur lura, wieħed tajjeb jipprepara għal riperkussjonijiet politiċi fil-pajjiżi Ewropej. Fost dawn hemm iż-żieda fil-popolarità għall-partiti tal-lemin estrem flimkien mal-konsegwenzi serji li dań iġib miegħu.

Sport