Friday, April 11, 2025

Debutt mill-aqwa għal Keith Galea f’isem Team Barry

Aqra wkoll

It-triatleta ewlieni Malti Keith Galea kellu debutt mill-aqwa hekk kif matul il-ġimgħa li għaddiet tellaq għall-ewwel darba għal Team Barry bi prestazzjoni mill-aqwa ġewwa Spanja. Galea fetaħ l-istaġun tieghu b’tellieqa Half Ironman f’Deltebre ġewwa Spanja. It-temp kien wieħed ideali ħafna biex wieħed ikollu prestazzjoni tajba bi ftit riħ u xemxi.

Galea kellu għawma tajba ħafna hekk kif tela’ mill-ilma mal-ewwel grupp fis-seba’ post. Fuq ir-rota Galea żamm pass tajjeb ħafna b’medja ta’ kważi 40km/hr f’ħin ta’ sagħtejn u disa’ minuti u spiċċa bin-nofs maratona f’siegħa u 22 minuta biex għamel it-tellieqa f’ħin ta’ tliet sigħat u 52 minuta. Grazzi għal din il-prestazzjoni Galea temm fil-11-il post u t-tmien wieħed fil-kategorija tiegħu.

Galea jinsab vera kuntent bil-prestazzjoni tiegħu għax tejjeb il-ħin personali tiegħu u huwa l-ewwel Malti li niżel taħt l-erba’ sigħat f’din id-distanza. Huwa qal li għadda minn żmien ta’ inċertezza peresslil l-klabb li kien itellaq miegħu minn mindu beda dan l-isport ta’ disa’ snin, Birkirkara St Joseph, kien għalaq il-bibien tiegħu wara xejn inqas minn 50 sena attiv. Għalih din kienet telfa kbira u huwa vera kuntent li wara żmien diffiċli irnexxielu jikseb dan ir-riżultat.

Galea xtaq jirringrazzja bis-sħiħ lil Barry Whitmoore tal-opportunitá li tah biex itellaq f’isem Team Barry u tas-sapport li dejjem tah matul il-karriera tiegħu. Ukoll xtaq jirringrazzja lill-isponsors tiegħu: Eurosport, Bike it up u Starbene Takwhey. Huwa xtaq jiddedika din it-tellieqa lil Birkirkara St Joseph u jirringrazzjahom ta’ dak kollu li għamlu miegħu min meta beda jipprattika dan l-isport. Vera li BSJ mhux ħa jibqa’ jeżisti fiżikament imma l-memorja tiegħu ħa tibqa’ dejjem ħajja sakemm jibqa’ jtellaq!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport