Friday, November 22, 2024

Defile storiku inbidel f’dimostrazzjoni Laburista…..…Supretendent ferut b’daqqa ta’ mus fl-istonku…Mintoff mixħut fl-art

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Bħal lum 60 sena ilu, eżattament lejliet iċ-ċerimonja marbuta mal-Indipendenza ta’ Malta, fil-Belt Valletta kienu saru protesti kbar mill-Partit Laburista immexxi mill-Perit Dom Mintoff, liema protesti kienu komplew filgħaxija.

Filfatt filgħaxija waqt iċ-ċerimonja tal-Indipendenza f’nofs il-lejl, għadd ta’ partitarji Laburisti li kienu ħdejn ir-railings ta’ ħdejn il-lukanda Phoenicia bdew jibbuwwjaw malli l-banda Ingliża daħet fil-Parade Ground.

Forza qawwija ta’ Pulizija daħlet fejn il-partitarji u ħarġuhom ‘barra. Inċident ieħor inqala’ għall-ħabta ta’ nos il-lejl, meta kienet nieżla l-bandiera Ingliża. Xi partitarji oħra għamlu xi rimarki u l-Pulizija daħlu fost in-nies u ħarġu xi rġiel ‘barra. Meta xi nies ipprotestaw il-Pulizija taw salt u baqgħu sejrin bihom sal-funtana ta’ Putirjal.

Il-Perit Mintoff u mexxejja oħra tal-Partit Laburista kien fost partitarji Laburisti n-naħa tal-lukanda Phoenicia u kien imdawwrin minn ringiela ta’ pulizija. Intant matul il-ġurnata tal-20 ta’ Settembru, is-suppost defile storiku li kellu jiġi organizzat mill-Gvern Malti bħala parti miċ-ċelebrazzjoni tal-Indipendenza ġie mibdul f’dimostrazzjoni Laburista li fiha inqalgħu ħafna inċident bejn partitarji Laburisti, Nazzjonalisti u numru kbir ta’ Pulizija.

Għadd ta’ partitarji Laburisti ġew arrestati u Supretendent tal-Pulizija ġie ferut b’daqqa ta’ mus taħt l-istonku tiegħu. Ġara li ftit wara li beda d-defile dwar l-istorja ta’ Malta, membri Laburisti ħadu posthom wara wieħed mill-floats. Malli l-partitarji Laburisti bdew jimmarċjaw huma ġew milqugħin minn ibbuwjar minn parti mill-folla.

Malli wasal il-Perit Mintoff u l-falla Laburista bdiet tikber, il-Pulizija għamlet l-ewwel attentat biex tferrex il-partitarji Laburisti malli ddimostrazzjoni waslet quddiem il-każin tal-Partit Laburista fi Strada Rjali.

Kurdun kolossali ta’ Pulizija intefa’ fuq il-folla Laburista. Irġiel, nisa u tfal waqgħu fuq xulxin inkaxxati mal-ħajt. Partitarji Laburista, ħafna minnhom jagħmlu ċirku ta’ protezzjoni madwar il-leader tagħhom u jkantaw l-innu tal-partit reġgħu ingħaqdu ftit minuti wara.

Malli l-Pulizija raw li l-ewwel attentat ma sewa xejn ġiet mgħajjta l-kavallerija. Madwar 15-il Pulizija fuq iż-żwiemel daħlu fuq il-folla u għamlu attentat biex iferrxuha. F’ħin minnhom il-Mexxej Laburista, li kien ma numru żgħir ta’ partitarji ġie attakkat mill-Pulizija u mkaxkar fl-art. Partitarji Laburista ġrew għal fuq il-Mexxej Laburista u ġabruh mill-art.

Ftit wara waqt id-dimostrazzjoni, il-Perit Mintoff f’kumment lil L-ORIZZONT kien qal li ‘sħabi u jien ġejna mitfugħa ma’ l-art mill-Pulziija meta konna biss qed nimmarċjaw mal-folla mingħajr ma konna qed nipprovokaw lil ħadd”.
F’inċident ikrah, quddiem is-Savoy, is-Supretendent Frank Tonna deher iżomm l-istonku tiegħu fejn minn taħt idejh kien nieżel id-demm. Fuj wiċċu dehret espressjoni ta’ uġiegħ.

Żagħżugħ ta’ madwar 22 sena ġie maħtuf mill-Pulizija u nstema jgħid “mhux kien, mhux jien”. Wieħed mill-Pulizija qallu ‘issa nuruk’. Iż-żagħżugħ ġie meħud l-Għassa tal-Pulizija u ftit wara ġie mitfugħ f’karozza. Ftit wara waslet l-ambulanza li ħadet lis-Supretendent Tonna l-isptar.

Waqt li l-Pulizija komplet jippruvaw iferrxu lin-nies, il-Kavallerija bdiet tross lin-nies mal-ħajt u titfagħhom għal ġot-triqat sekondarji. Alfred Frendo mill-Ħamrun safa’ midrub minn daqqa ta’ żiemel meta waqa’ taħtu.

Il-Puliżija jikkonfiskaw ‘hand Granade’

Kien ġie rapportat, li skont rapporti mhux konfermati meta l-Pulizija ġrew wara xî żgħażagħ għal fuq San Ġwann, wieħed minnhom tefa’ xi ħaġa ma’ l-art. Wieħed mill-Pulizija tefa’ l-oġġett u sab li kien hand grenade.

Għalkemm iż-żagħżugħ qal li mhux hu kien li tefa’ l-hand grenade ma’ l-art, il-Pulizija u membri tas-CID kaxkruh magħhom l-Għassa fejn wara ġie meħud il-ħabs. Dak li tefa’ l-hand grenade mal-art ma’ neħħiex is-safety pin u l-hand grenade ma splodietx.

‘Sandy’s Go Home’

Waqt li dawn l-inċidenti numerużi bejn il-partitarji Laburisti u l-Pulizija, partitarji Nazzjonalisti kienu numerużi fuq il-bankini. Il-partitarji Laburisti bdew ikantaw l-innu tal-Partit Laburista akkumpanjat minn ‘Sandys Go Home’ u ċapċip.

Il-partitarji Nazzjonalista bdew jibbuwwjaw u jsaffru kulll meta l-Laburisti bdew jgħajtu ‘Sandys Go Home’. Malli l-partitarji Laburisti waslu quddiem il-Palazz, uffiċċjali tal-Pulizija marru jitkellmu mal-Perit Mintoff u qaluili li ma jistax jibqa’ f’nofs it-triq. Xi ħadd dak il-ħin għajjat ‘arrestawh’.

Il-folla Laburista nġabret quddiem il-Palazz u waqfet fuq il-bankina. Uffiċjali għolja tal-Gvern Ingliż u l-Gvern Mati dehru fuq il-bjut tal-Palazz iħarsu lejn id-dimostranti Laburisti. Il-folla nfexxet f’għajta “Prosperity and Peace What?!’ U dan hekk kif tfaċċa l-karru tan-NATO.

Partitarji Nazzjonalisti li kienu bogħod mid-dimostranti Laburisti, issa bdew jeers lejn il-Palazz u hawn qam ħafna ġlied bejn partitarji Laburisti u Nazzjonalisti.

Fejn triduna?

F’attentat ieħor biex il-Pulizija terġa’ tferrex lid-dimostranti Laburisti, li kienu kollha miġburin quddiem il-Palazz reġgħu għamlu sensiela ta’ ‘salti fuq in-nies. Is-Supretendent mar fuq il-Perit Mintoff biex iġiegħlu jimxi.

Il-Perit Mintoff qallu ‘Konna fin-nofs neħħejtuna u issa għax ġejna fuq il-bankina triduna nżulu. Fejn triduna allura?”. Is-Supretendent sar lura u ma qal xejn. Iżda ftit ‘lbogħod il-Pulizija kienu għadhom qegħdin jagħmlu l-aħħar attentat bien iferrxu l-folla Laburista. Numru kbir ta’ Pulizija u l-Kavallerija mexxew in-nies sa tard Strada Rjali.

X’aktarx li l-Pulizija issa ġiet imwissija li jiġri x’jiġri, id-dimostranti Laburisti għandhom jitneħħew minn quddiem il-Palazz billi ftit wara kellu jasal il-Prim Ministru, is-sur Sandys u d-Duka ta’ Edinburgħ biex isellmu lill-poplu mill-gallarija. F’dan l-attentat, aktar dimostranti Laburisti ġew arrestati. b’kollox madwar 30 persuna.

Sport