Wednesday, October 9, 2024

Il-BOV jorganizza diversi attivitajiet għall-impjegati matul is-sajf

Aqra wkoll

Il-Bank of Valletta nieda skeda sħiħa ta’ attivitajiet dan is-sajf għall-impjegati tiegħu, li għamlu dan l-istaġun wieħed eċċitanti u memorabbli. Filfatt, it-tim tal-Bank of Valletta Sports and Social Committee (BOVSSC) u dak tas-CSR & Events kienu responsabbli għal sensiela ta’ avvenimenti mfassla biex jgħaqqdu lill-impjegati flimkien u jrawmu l-ispirtu tat-tim, filwaqt li joħolqu memorji dejjiema. Din hija karatteristika li tispikka fil-komunità tal-BOV.

Is-sajf beda bil-BOV Quiz Night, avveniment tant mistenni li ra ‘l fuq minn 300 impjegat jingħaqdu flimkien għal lejl ta’ kompetizzjoni f’ambjent ta’ sfida amikevoli. Il-parteċipanti għaddew minn test tal-għarfien f’diversi kategoriji, f’ambjent fejn spikka d-daħk u l-umoriżmu, fejn ma naqsux id-dibattiti, u fuq kollox fejn irrenja sens qawwi ta’ tim. 

L-avvenimenti tas-sajf komplew bil-kompetizzjoni tal-‘Pirati tal-BOV’ f’Awwissu. Bit-tema tal-pirati, l-avveniment kien ippakkjat b’logħob eċċitanti kemm fuq l-art kif ukoll fuq il-baħar. Dan l-avveniment serva wkoll bħala eżerċizzju biex jinbena sens ta’ tim, filwaqt li saħħaħ ir-rabtiet fost il-kollegi. Iċ-Chief People and Culture Officer Ray Debattista ppreżenta t-trofej lit-tim rebbieħ South Pearls. Huwa faħħar lit-tim tal-BOVSSC għall-organizzazzjoni eċċezzjonali tagħhom u l-impatt pożittiv li dawn l-avvenimenti għandhom fuq l-impjegati.

Is-sajf kompla bl-attività Bil-Kenura Fi Nżul ix-Xemx fil-bidu ta’ Settembru. Ħamsa u erbgħin parteċipant qadfu tul ir-rotta xenika mill-Bajja tal-Ġnejna, u daru postijiet kostali popolari bħalma huma l-Qarraba, ir-Riviera u l-Bajja tal-Mixquqa. Temp favorevoli u sforz kollettiv għamel din avventura eċċitanti. Attendew ukoll il-Kap Eżekuttiv Kenneth Farrugia u ċ-Chief Operations Officer Ernest Agius, li ngħaqdu mal-qaddiefa, u żied is-sens ta’ għaqda u briju fost dawk preżenti.

Fl-avveniment tas-Sajf tal-BOV għall-Impjegati, organizzat mit-tim tas-CRS & Events, kien hemm spettaklu mużikali, ikel bnin u atmosfera vibranti. Minkejja li dan l-avveniment inzerta f’waħda mill-ftit iljieli kkaratterizzati mix-xita dan is-sajf, it-temp ma naqqasx mill-atmosfera u l-ispirtu ta’ dawk preżenti.  Minflok, biddlet is-serata f’okkażjoni memorabbli mimlija daħk u ħbiberija, li turi li lanqas ix-xita ma setgħet ixxejjen l-għaqda tal-familja tal-BOV.

Waqt li rrifletta fuq is-suċċess tal-avvenimenti ta’ dan is-sajf, Ernest Agius, Chief Operations Officer esprima l-apprezzament tiegħu lejn l-organizzaturi għall-entużjażmu, il-kreattività u l-enerġija tagħhom. “Dawn l-attivitajiet huma xhieda tal-impenn tal-Bank li jrawwem kultura tax-xogħol pożittiva, kultura li toffri lill-impjegati opportunitajiet uniċi biex jingħaqdu, jieħdu pjaċir, u jsaħħu l-għaqda ta’ bejniethom lil hinn mill-post tax-xogħol,” huwa stqarr.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport