Wednesday, October 9, 2024

Titnieda l-edizzjoni tal-Ġimgħa Ewropea tal-Isport 2024

Aqra wkoll

Bejn it-23 ta’ Settembru u  t-30 ta’ Settembru, bħal snin oħrajn, Malta se tipparteċipa fil-Ġimgħa Ewropea tal-Isport. Ġimgħa ta’ attivitajiet mifruxa ma’ 40 pajjiż bil-għan li tippromwovi stil ta’ ħajja aktar attiva lil miljuni ta’ nies kemm fl-Ewropa kif ukoll f’pajjiżi lil hinn mill-Ewropa. Fl-edizzjoni ta’ din is-sena se jkun ukoll rikonoxxut l-Ambaxxatur tal-Isport Jake Vella bħala persuna li kien ta’ ispirazzjoni għal pajjiż sħiħ.

Wieħed mill-għanijiet prinċipali ta’ din il-ġimgħa huwa li tqum kuxjenza dwar l-istil ta’ ħajja li qed ngħixu, speċjalment meta l-istatistika turi li numru sostanzjali ta’ persuni madwar l-Ewropa, inkluż f’pajjiżna stess, ma jgħixux ħajja bilanċjata li fiha jdaħħlu l-element importanti ta’ sport u eżerċizzju fiżiku.

“Huwa ta’ unur u bix-xieraq li matul din il-ġimgħa se nsellmu u nirrikonoxxu persuna li mhux biss għożż l-isport, imma kien ta’ ispirazzjoni għal poplu sħiħ”, qal il-Ministru Grima. Il-Ministru Grima tkellem dwar kif permezz ta’ SportMalta u l-kampanja #BeActive, il-Ministeru qed jippromwovi l-isport u l-attività fiżika matul is-sena kollha biex ikollna soċjetà li tkun konxja tal-importanza tal-attività fiżika u li tipparteċipa b’mod aktar attiv f’attivitajiet sportivi u fiżiċi.

Il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport ta’ din is-sena qed tippromwovi l-valuri tal-Unjoni Ewropea u l-valuri tal-Logħob Olimpiku u Paralimpiku ta’ Pariġi. “F’din il-ġimgħa wkoll qed inkomplu nuru l-importanza tal-inklużjoni fid-dinja tal-Isport, settur li mhux biss iġib għaqda imma wkoll qed nuru l-impenn tagħna għall-inklużjoni fl-isport”, qal il-Ministru Grima, filwaqt li fakkar li ftit tal-jiem ilu kien hemm pass importanti mill-Gvern Malti biex javvanza l-inklużjoni soċjali billi uffiċjalment irratifika l-impenn tiegħu mal-Koalizzjoni Globali għall-Inklużjoni tal-Ispecial Olympics bl-iffirmar ta’ ftehim għal dan il-għan.

Dalgħodu ingħataw id-dettalji tal-attivitajiet li se jsiru, bil-parteċipazzjoni ta’ Assoċjazzjonijiet u Għaqdiet Sportivi f’20 dixxiplina sportiva, l-iskejjel u l-pubbliku, bl-avveniment nazzjonali li se jsir il-Ħadd 22 ta’ Settembru fil-Kumpless Sportiv tal-Marsa. Matul din il-ġimgħa se tintuża l-binja ġdida fil-Kumpless Sportiv tal-Marsa inkluż faċilitajiet fuq livell internazzjonali għall-ġinnastika li ġiet inawgurata ftit tal-ġimgħat ilu. Il-#BeActive Night din is-sena se jsir fit-28 ta’ Settembru fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera. Filwaqt li bħal snin oħra se jsir ukoll Jum tal-Isport fl-iskejjel fil-11 ta’ Ottubru.

Il-Viċi Chairperson ta’ SportMalta Keith Bartolo aċċenna għall-messaġġ tal-kampanja dwar kemm l-attività fiżika hija importanti għal kulħadd filwaqt li awgura li din l-inizjattiva tispira lill-poplu jgħix ħajja aktar attiva.

Il-Ministru Clifton Grima enfasizza li l-isport u l-attività fiżika regolari huma parti kruċjali mill-ħajja tagħna ta’ kuljum biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tagħna, qal li l-Kummissjoni Ewropea tenfasizza li l-Ġimgħa Ewropea tal-Isport għandha sservi biex tippromwovi aktar azzjoni favur l-attività fiżika.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport