Tuesday, September 24, 2024

Aktar turisti ta’ kwalità jagħżlu l-KM Malta Airlines

- Prospetti sbieħ għall-industrija tat-turiżmu f’Malta

Aqra wkoll

L-industrija tat-turiżmu f’Malta rpiljat u qabżet sew il-livelli ta’ qabel il-pandemija ferm qabel dak li kien imbassar. Jeżistu wkoll prospetti li l-industrija tkompli tikber fiż-żmien li ġej.

Fl-istess waqt, is-settur tal-ospitalità ta dik l-ispinta meħtieġa lill-ekonomija Maltija li hi mistennija li tmur aħjar minn dik ta’ Stati oħra membri tal-Unjoni Ewropea fl-2024 u fl-2025.

Dan joħroġ mid-dokument ta’ konsultazzjoni ta’ qabel il-Budget 2025, fejn jingħad li fl-2023 it-total ta’ turisti li waslu f’pajjiżna kienu jaqbżu t-3 miljuni. Dan kien ifisser żieda ta’ 30.1% fuq is-sena ta’ qabel u żieda ta’ 8.1% fuq il-livelli tal-2019. Tali tkabbir kien sostnut minn turisti li ġew mill-Italja, il-Ġermanja u r-Renju Unit, li kienu jammontaw għal kważi nofs iż-żieda kollha. 

Fl-ewwel xhur ta’ din is-sena, is-settur tat-turiżmu kompla jaqbeż kull aspettattiva, bit-total ta’ wasliet ta’ turisti jaqbżu l-1.2 miljun bejn Jannar u Mejju. Dan kien jirrappreżenta żieda sinifikanti ta’ 24.6% meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2023. Meta kkumparat mal-livelli ta’ qabel il-pandemija, kien hemm 33.3% aktar turisti li ġew f’pajjiżna fl-ewwel ħames xhur tal-2024.

In-nefqa totali mit-turisti bejn Jannar u Mejju 2024 kienet tlaħħaq id-€957.5 miljun, li din tirrifletti żieda ta’ 27.6% fuq l-2023. Bħala medja, kull turist nefaq €772.2 tul iż-żjara tiegħu f’pajjiżna, bit-tul medju taż-żjajjar ikun ta’ madwar 5.7 jiem. F’dan il-perjodu, l-ogħla rata ta’ nfiq kull lejl saret mit-turisti li ġejjin mill-Istati Uniti, b’medja ta’ €252.3 kull lejl. 

B’enfasi akbar tal-Gvern fuq l-importanza tat-turiżmu ta’ kwalità, KM Malta Airlines qiegħda turi li hija katalist ewlieni biex jinkiseb dan l-objettiv. Filwaqt li n-numru ta’ wasliet mit-turisti li vvjaġġaw bil-KM Malta Airlines huwa inqas minn dak tal-linji tal-ajru ‘low cost’, dan kien akbar mit-turisti li vvjaġġaw ma’ linji tal-ajru oħra. Kemm it-tul taż-żjara kif ukoll in-nefqa għal kull turist kien akbar fost dawk li vvjaġġaw bil-KM Malta Airlines milli bil-linji tal-ajru low cost.

It-tul medju taż-żjara tat-turisti li vvjaġġaw bil-KM Malta Airlines kienet 7.2 iljieli (meta mqabbel mas-6.3 irreġistrati għal-linji tal-ajru low cost) u n-nefqa għal kul turist kienet taqbeż l-€1,000 (imqabbel mas-€780 għal-linji tal-ajru low cost). 

Id-dokument ta’ qabel il-budget jenfasizza wkoll li l-konnettività bl-ajru tibqa’ kruċjali għall-industrija turistika ta’ pajjiżna. F’dan ir-rigward, il-Gvern se jkompli jinnegozja ma’ aktar linji tal-ajru biex jiżgura aktar konnettività bl-ajru speċjalment qabel u wara l-quċċata tal-istaġun għat-turiżmu għal għanijiet ta’ sostenibilità. 

Filwaqt li Malta se tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fis-swieq ewlenin tagħha, hemm strateġija li tħares ukoll lejn id-diversifikazzjoni tas-settur fosthom bil-mira tkun l-ivvjaġġar għal skop ta’ negozju, l-isports, l-għadis, it-turiżmu reliġjuż, il-gastronomija u l-edukazzjoni fost oħrajn. 

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, għamlet investimenti sostanzjali fi programmi ta’ marketing fl-Istati Uniti, il-Ġappun, l-Awstralja u l-pajjiżi tal-Golf biex jiżguraw influss konsistenti ta’ turisti matul is-sena kollha. Dan għandu jpoġġi lil pajjiżna fuq quddiem biex jippreżenta argumenti b’saħħithom dwar għaliex Malta għandha l-potenzjal li tkun konnessa bl-ajru ma’ dawn is-swieq. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport