Sunday, December 22, 2024

“Deħlin lejn fażi eċitanti ta’ diskussjonijiet għal titjib fil-kundizzjonijiet tal-edukaturi”

Il-PM jisħaq dwar l-impenn tal-gvern li jara li l-ebda student jew studenta ma jaqgħu lura

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Iż-żjara f’din l-iskola tirrifletti l-viżjoni li dan il-gvern għandu għas-settur tal-edukazzjoni. Il-kunċett tagħna huwa li noħorġu minn Kastilja u nitħaddtu ma’ setturi differenti għax b’hekk ikollna l-opportunità li bħala tim sħiħ nisimgħu direttament mingħand l-istakeholders involuti u flimkien inkunu nistgħu nindirizzaw sfidi li jkun jeħtieġ li jiġu indirizzati.

Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt li kien qiegħed jindirizza laqgħa tal-kabinett ffukata fuq l-edukazzjoni mill-Kulleġġ San Nikola f’Ħad-Dingli.

Il-Prim Ministru kompla biex jgħid li filwaqt li jsiru referenzi frekwenti għal riformi, dokumenti u strateġiji li huma lkoll importanti, il-prinċipju u regolatur ta’ dan il-gvern għas-settur tal-edukazzjoni jibqa’ dak li jkunu xi jkunu l-isfidi, l-ebda tifel jew tifla ma jitħallew jaqgħu lura. Spjega li l-għan huwa li jkun hawn sistema li tgħin lil-istudenti kollha jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom filwaqt li jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom.

Abela qal li dan huwa żmien eċitanti għas-settur tal-edukazzjoni anke minħabba l-fatt li wara sentejn ta’ pandemija, l-iskejjel setgħu jirritornaw għal sena skolastika ġdida b’normalità sħiħa li konna mdorrijin biha qabel il-pandemija. Rigward il-bidu ta’ din is-sena skolastika ġdida, għalkemm għadhom għaddew biss ftit jiem, il-Prim Ministru qal li kien bidu tajjeb bi ftit li xejn intoppi. Tkellem ukoll dwar l-entużjażmu tal-istudenti li ltaqa’ magħhom f’diversi istituzzjonijiet bħalma huma l-MCAST u fl-Università ta’ Malta.

Kompla biex jitkellem dwar gvern li ma jibżax jieħu d-deċiżjonijiet u li b’tali deċiżjonijiet favur inizjattivi jew investimenti ġodda, se jkun qiegħed jiżra’ l-opportunitajiet għat-tfal Għawdxin u Maltin oħrajn li għadhom tilgħin l-iskaluni ta’ dan il-proċess edukattiv. Fakkar li fil-kampanja elettorali tiegħu, il-Partit Laburista kien tkellem dwar dan il-prinċipju li jara li t-tfal ikunu fiċ-ċentru tal-proposti fejn saħansitra ngħatat garanzija li t-tfal kollha se jkollhom l-għodod kollha meħtieġa biex iwettqu dan il-vjaġġ tagħhom. Qal ukoll li l-impenn li sar f’dawk il-proposti se jara li ħadd ma jitħalla jaqa’ lura u li fost għajnuniet oħra għandek mal-2,000 tifel u tifla li qed jibbenefikaw minn skema ta’ għajnuna għal uniformi, ikel, fotokopji u anke affarijiet relatati ma’ stationery bla ħlas. Żied jgħid li din l-għajnuna se tkun qiegħda titwessa’ b’mod sħiħ skont il-ħtieġa fejn dawk li għandhom bżonn aktar minn għajnuna waħda minn dawn provduti u msemmija aktar qabel, ikunu jistgħu jingħataw din l-għajnuna. Huwa spjega li fejn hemm każi ta’ studenti li għandhom bżonn l-għajnuniet kollha, dan se jsir kif imwiegħed biex titwettaq din il-miżura b’investiment ta’ madwar €10,000 għal kull skola.

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar każ ta’ student wieħed li talab li jingħata l-opportunità li l-kors post sekondarju jaqsmu fuq medda ta’ erba’ snin, fejn anke minkejja numru ta’ mistoqsijiet dwar din l-alternattiva, il-gvern kien jaf li se jkunu ftit dawk li jagħmlu din l-għażla. Madanakollu, ried ikun żgurat li dawn il-ftit, li jmorru għal din l-għażla minħabba ċertu sfidi, tingħatalhom l-opportunità sħiħa biex jimxu ‘l quddiem.

Rigward l-istipendji, il-Prim Ministru fakkar li gvern Laburista ta anke stipendji lil dawk li rrepetew is-sena biex jingħataw il-kuraġġ ikomplu minflok iċedu għall-pressjoni kkawżata minn nuqqas ta’ suċċess li seta’ jirriżulta f’aktar studenti li ma jkomplux bl-edukazzjoni tagħhom. Skont il-wegħda elettorali, l-istudenti se jkomplu jibbenefikaw minn stipendji aħjar.

Wegħda oħra kienet li jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-edukaturi u fid-dawl ta’ dan il-Prim Ministru Robert Abela qal li deħlin f’fażi eċċitanti li se tinkludi diskussjoni mal-edukaturi dwar kundizzjonijiet aħjar u għodod ġodda għall-istudenti.

“Nemmen li nistgħu naslu… bżonn ta’ bidla fil-prattiċi tal-assessjar”

Il-Professur Mark G. Borg mid-Dipartiment tal-Istudji Edukattivi fl-Università ta’ Malta tkellem dwar l-istudenti li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien u li r-rata ta’ dawn l-istudenti niżlet 11 fil-mija. Qal li għaddejja ħidma biex din ir-rata tkompli tonqos u li l-mira hija li sas-sena 2030 din tkun inqas minn 9 fil-mija.

F’dan ir-rigward huwa qal li ma jarax raġunijiet għalfejn dan it-tragward m’għandux jintlaħaq anke minħabba dawn l-opportunitajiet imsemmija flimkien ma’ ħafna oħrajn mhux elenkati mill-Prim Ministru. Fakkar li pajjiżna jinvesti bil-kbir fl-edukazzjoni fejn fl-2020 dan is-settur ra investiment ekwivalenti għal 5.9 fil-mija tal-prodott domestiku gross. 

Saħaq dwar il-bżonn ta’ bidla meħtieġa fil-prattiċi tal-assesjar biex nersqu lejn sistema li tmur lil hinn mill-ossessjoni tal-eżamijiet tradizzjonali.

Vjaġġ edukattiv bi preparazzjoni għall-ħajja

Min-naħa tiegħu, George Bella ta’ 15-il sena tkellem dwar il-vjaġġ edukattiv u staqsa domanda pjuttost komuni mal-istudenti u l-ġenituri tagħhom. Staqsa dwar kemm il-vjaġġ edukattiv qiegħed verament jipprepara l-istudenti għall-ħajja wara s-sena skolastika. Huwa saħaq dwar il-bżonn li t-tagħlim ikun jirrifletti sfidi tal-ħajja biex il-proċess ikun wieħed li jista’ jiġi prattikat fil-ħajja ta’ kuljum. 

Rigward l-attivitajiet extra kurrikulari huwa saħaq li dawn huma ferm importanti u li l-iskejjel kollha għandhom jibqgħu jħeġġu lill-istudenti biex jidħlu għal dawn l-attivitajiet li jsaħħu l-karattru tal-istudent.

Għad hemm sfidi li jridu jiġu indirizzati

Min-naħa tagħha, Antonia Ciappara ta’ 10 snin tkellmet dwar komunità li laqgħetha u li parti minnha kienet skola moderna mgħammra bl-apparat kollu għal suġġetti akkademiċi u vokazzjonali. Madanakollu hija saħqet dwar il-bżonn li jiżdiedu l-ispazji miftuħa u titjib fl-ambjent bħalma huma pjanti u siġar.

Hija tkellmet dwar dawk l-istudenti li qegħdin jibqgħu jieqfu qabel mill-iskola u l-bżonn li l-awtoritajiet jifhmu aħjar għaliex il-proċess edukattiv mhuwiex jilħaq lil dawn l-istudenti. 

Bżonn li nattiraw aktar edukaturi

Il-Kap Eżekuttiv tal-UPE Graham Sansone qal li importanti li nagħtu każ lill-edukaturi u li dan jista’ fost l-oħrajn isir b’titjib fis-salarji u kundizzjonijiet tax-xogħol. Huwa żied jgħid dwar il-bżonn li jsir aktar investiment biex aktar żgħażagħ jitħajru għal din il-professjoni.

“Sal-bieraħ kellu edukatur li bagħtli filgħaxija li kien għadu qiegħed jaħdem għat-tfal”, kompla Sansone filwaqt li saħaq dwar l-importanza ta’ kollaborazzjoni biex mhux biss jitjieb is-settur edukattiv, iżda enke tkompli tikber l-ekonomija tal-pajjiż. Tenna jgħid li dan kollu jista’ jsir billi ssir evalwazzjoni ta’ x’inhi l-viżjoni tal-futur għax-xogħol f’pajjiżna.

Diskussjonijiet biex intejbu l-kundizzjonijiet tal-edukaturi

Il-President tal-Unjin tal-Għalliema (MUT) Marco Bonnici ma naqasx milli jitkellem dwar il-kundizzjonijiet tal-edukaturi u li hija ħidma kontinwa li qiegħda twassal għall-frott.

Huwa semma dwar l-iffirmar ta’ ftehim kollettiv ġdid fil-Junion College wara li kien approvat fl-istadji kollha. Tkellem dwar diskussjonijiet li għadhom għaddejjin biex jintlaħaq ftehim dwar l-IFE, l-MCAST u l-ITS.

“Nemmnu dwar strateġija li tista’ twassal biex l-ITS jinbidel f’ċentru ta’ eċċellenza matul il-jiem li ġejjin. L-interess tagħna jibqa’ jiffoka fuq l-edukaturi u t-tagħlim offrut lill-istudenti kollha”, temm Bonnici.

Ekonomija

Sport