“Fejn hemm ħafna vuċijiet li jingħaqdu flimkien isiru vuċi waħda. Nixtieq li kull min jaf lil xi ħadd li għaddha minn esperjenza tal-kanċer u ġie ttimbrat, biex anke hu stess jingħaqad magħna biex inwettqu l-bidla u biex intejbu ħajjet in-nies. Irrid nisma’ aktar ħalli jinġabru l-ideat u wara nkunu nistgħu nillegiżlaw”
Dan iddikjaratu l-Membru Parlamentari u l-Avukata tal-Familja Dr Amanda Spiteri Grech, f’intervista ma’ dan is-sit, hekk kif matul il-ġimgħa li għaddiet tħabbar li qed tiġi proposta inizjattiva leġislattiva f’Malta biex tiġi żgurata li persuni li fiequ mill-kanċer ma jibqgħux jiġu diskriminati tul ħajjithom kollha minħabba l-passat mediku tagħhom. Inizjattiva, li tenfasizza l-fatt li wasal iż-żmien biex is-soċjetà tirrikonoxxi d-dinjità ta’ persuni mfejqa mill-kanċer u tiżgura li ma jiġux ittimbrati għal ħajjithom kollha għal marda li diġà għelbu.
“La qiegħda fil-politika rrid nkun hemm biex nagħmel id-differenza fil-ħajja tan-nies”
Spiteri Grech spjegatilna li meta wieħed imiss mal-politika, dan jibda jisma’ stejjer differenti u kulħadd ikollu l-istorja tiegħu. Qalet li dejjem kellha f’moħħha li la qiegħda fil-politika, riedet tkun hemm biex tagħmel id-differenza fil-ħajja tan-nies.
Hawnhekk, hija żiedet tgħid; “Dejjem emmint li jekk nagħmel bidla għal xi ħadd anke għal persuna waħda biss li kienet qed isofri xi inġustizzja, inkun kuntenta”. Dwar din il-liġi proposta, hija spjegatilna kif kollox beda meta kienet semgħet li l-Italja kienu ħa jghaddu Il diritto all’ oblio oncologico.
Irrimarkat li peress li ssegwi liġijiet ta’ pajjiżi differenti, bdiet issegwi mill-qrib x’qed tgħid din il-liġi. La darba bdiet tfittex, bdiet tikseb ħafna informazzjoni ta’ x’ se tagħmel l-Italja iżda ukoll pajjiżi oħra li huma stati membri tal-Unjoni Ewropea li ukoll kienu għaddew din il-liġi fosthom; Franza, Spanja, il-Belġju, l-Olanda, il-Portugal, il-Lussemburgu, ir-Rumanija, is-Slovenja u l-Italja.
“Iddeċidejt li bħal pajjiżi oħra, issa kien imiss Malta li tgħaddi din il-ligi”
Żiedet tgħid; “Minn hemm minnufih tiġi l-mistoqsija weħidha… u Malta? Għaldaqtant hemmhekk bdejt naħdem fuq studju komparattiv ta’ xi jsir u x’ għandhom fil-liġijiet tagħhom u minn hemm iddeċidejt li issa kien imiss Malta li tgħaddi din il-ligi. Bdejt nitkellem ma’ diversi nies fuq livelli differenti biex nara x’ jaħsbu u intbaħt li minkejja din is-sitwazzjoni hi komuni ħafna, kien hemm ħafna li jew ma kienux konxji jew inkella ma kinux jitkellmu fuqha”.
Matul din l-intervista, Amanda qaltilna li ddeċidiet li din għandha tiġi proposta, kif filfatt bħalissa għaddej il-proċess ta’ konsultazzjoni li se jgħin biex it-tfassil tal-liġi jkun wieħed ġust. Meta saqsejniha x’korrispondenza kien hemm sa issa mill-pubbliku, Amanda bdiet biex qaltilna li qed tirċievi għadd ta’ korrispondenza bi stejjer li biddlulhom ħajjithom wara li ntlaqtu mill-kancer. Fost dawn, semgħet rakkonti minn ġenituri li jinkwetaw għal uliedhom li jafu li uliedhom se jsibu diffikultajiet kbar anke jekk rebħu l-akbar ġlieda li kellhom.
Spiteri Grech qalet ukoll; “Kull kelma li qrajt kemm ta’ rakkont u kemm ta’ ringrazzjament temozzjonani u nifhem kemm din hija kbira. Kemm hawn nies milquta u qed jgħixu diversi inġustizzji. Qed nircievi ukoll mingħand diversi persuni li jaħdmu b’ mod dirett jew b’ mod indirett ma’ dak li għandu x’ jaqsam mal-kanċer. Kemm jekk bankiera, assigurazzjonijiet, konsulenti u ricerkaturi fost oħrajn”
Tenniet tgħid li jidher li l-interess huwa kbir u la darba hemm interess li nidjalogaw ifisser li hemm ir-rieda li ssir xi ħaġa f’dan ir-rigward. Hija wegħdet li se tagħmel l-almu tagħha biex din titwettaq għax dejjem emmnet li l-ġlieda għaddiet u l-ħajja kompliet.