Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet ta’ etá żgħira bis-saħħa tan-nannu. Konna nilagħbu fil-kuritur tad-dar jew naraw xi logħba fuq it-televixin sakemm eventwalment bdejt nittrenja mal-klabb ta’ Tarxien Rainbows FC.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Kirkop United FC.
L-aħħar staġun kien it-tielet wieħed tiegħi mal-klabb ta’ Kirkop United. Kienet l-ewwel esperjenza tiegħi lil hinn minn Tarxien Rainbows wara 15-il sena. Matul din l-esperjenza ltqajt ma’ ħafna sfidi ġodda li għenuni bis-sħiħ biex insaħħaħ il-karattru tiegħi kif ukoll nikber kemm bħala plejer u anke bħala persuna barra mill-pitch.
X’tikkummenta fuq l-istaġun li għadda għat-tim tagħkom?
Tikkunsidra l-ostakli kollha li ltqajna magħhom tul l-istaġun, fosthom tibdil fl-istaff u l-plejers, u bosta injuries, naħseb li kien staġun pożittiv. Is-saħħa tat-tim tagħna kienet li qatt ma qtajna qalbna irrelevanti s-sitwazzjoni li konna fiha. Dan deher tul l-istaġun fejn fil-maġġoranza tal-logħob, l-ewwel gowl sar mill-avversarju iżda dejjem emminna li stajna nġibu riżultat pożittiv. Din id-determinazzjoni kienet kruċjali biex nilħqu t-tragward taghna, li nżommu postna fin-National Amateur League 1.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Fl-opinjoni tiegħi, baqa’ ħafna x’jitjieb peró l-livell qed jogħla, fejn qed naraw plejers ta’ livell għoli jilagħbu f’kull diviżjoni, anke fl-Amateur League, li qed ikunu ta’ għajnuna għal ħafna plejers żgħażagħ biex joħorġu l-aħjar tagħhom fil-grawnd.
U dak tal-grawnds fejn tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Sfortunatament, din hija waħda mill-ikbar sfidi li għandna fil-futbol Malti. Hija xi ħaġa pożittiva li nbidlu xi uċuh tal-pitches li nilagħbu fihom. Peró, neqsin ħafna minn affarijiet bażiċi bħall-misħun fix-xawers u tixrib tal-grawnds qabel il-logħob, speċjalment fis-shana, li tista’ tevita ħafna injuries.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Bħal dejjem se nibqa’ naħdem bis-sħiħ u nagħti l-massimu tiegħi biex intejjeb il-prestazzjonijiet biex nasal sa fejn nista’. Il-karriera ta’ plejer tal-futbol hija waħda qasira, għalhekk nipprova nagħmel l-almu tiegħi kollu biex qatt ma jiddispjaċini li stajt għamilt aħjar.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-futbol jirrikjedi sagrifiċċji u dedikazzjoni. Matul il-karriera se jkun hemm bosta ostakli. Importanti li ma taqtax qalbek u temmen fil-proċess filwaqt li ma titlifx l-imħabba lejn il-logħba tal-futbol. Dejjem għandek tipprova tkun ftit aħjar milli kont ilbierah, kemm fl-isport kif ukoll fil-ħajja ta’ kuljum!