Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek għall-futbol?
Jiena trabbejt f’familja ta’ plejers tal-futbol. Missieri lagħab u kien jikkowċja wkoll f’pajjiżi u ħija l-kbir jilgħab ukoll fl-Awstralja fit-Tieni Diviżjoni, allura dejjem kont imdawwar bil-futbol u minn hemm ġejja l-imħabba tiegħi għal-logħba.
Kif ġejt tilgħab f’Malta?
Kont l-Awstralja u ridt xi ħaġa ftit differenti, li nerġa’ nikseb l-imħabba tiegħi għall-futbol peressli ma kontx qed nieħu gost bih daqstant ieħor, allura ħsibt li din kienet sfida differenti.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek f’Malta ma’ Floriana FC.
L-esperjenza s’issa kienet pożittiva, definittivament differenti minn kwalunkwe klabb ieħor li lgħabt magħhom qabel, iżda kienet pożittiva u qed nieħu gost bl-esperjenza tiegħi hawn Malta.
Xi ngħidu dwar ir-riżultati u l-prestazzjonijiet s’issa matul dan l-istaġun?
Nista’ ngħid li l-istaġun tagħna kien pożittiv s’issa, kellna miri li nispiċċaw fil-quċċata tal-klassifika u għamilna dan, aħna ftit diżappuntati ovvjament li ma spiċċajniex l-ewwel, iżda issa għandna t-tieni fażi biex niffokaw fuqha u nippruvaw nimbuttaw għall-ewwel post.
X’inhuma l-għanijiet tiegħek għal dan l-istaġun?
L-għanijiet tiegħi hawn kienu li nilgħab kemm jista’ jkun minuti għall-klabb u nirbaħ kemm jista’ jkun kisbiet. Inizjalment dan kien jgħinni wkoll fil-futbol internazzjonali tiegħi.
X’tista’ tgħid dwar il-kowċ, Daniel Portela?
Il-kowċ Daniel Portela huwa tajjeb ħafna fit-tmun tal-iskwadra u anke miegħi bħala individwu u s’issa għenni ħafna fl-iżvilupp individwali tiegħi u nista’ nitkellem f’isem l-iskwadra u l-klabb kollu meta ngħid li għamel xogħol tajjeb s’issa sa dan il-punt.
U dwar il-kumitat immexxi mill-president, Johann Said?
Il-kumitat huwa tajjeb ħafna wkoll, kif għidt jappoġġjawna u jgħinuna b’dak kollu li neħtieġu allura kienu tajbin ħafna.
Issa ejja nitkellmu dwar it-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani fejn int sirt l-ewwel plejer li qatt lgħabt f’Malta li skorja f’din il-kompetizzjoni billi għamilt dan kontra l-qawwa tan-Niġerja. X’tista’ tgħid dwar din l-esperjenza?
Ovvjament kienet esperjenza speċjali, l-ewwel u għal ħafna dejjem huwa mument speċjali meta tiskorja għal pajjiżek speċjalment f’turnew ewlieni bħall-AFCON u speċjalment kontra tim bħan-Niġerja.
Kif tiddeskrivi l-livell tal-futbol Malti?
Iva, il-livell huwa tajjeb u kompetittiv, kif għidt qabel, kienet sfida tajba għalija nnifsi s’issa allura iva kienet tajba.
U r-riżorsi (il-grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Iva, ir-riżorsi huma xi ftit limitati għal xi wħud mil-kampjonati l-oħra li lgħabt fihom imma naħseb li dan se jitjieb maż-żmien bħal ħafna kampjonati oħra madwar id-dinja.
Kif qed tara l-futur tiegħek fil-futbol?
Bħalissa jien iffukat biss fuq il-futbol mal-klabb tiegħi, nilgħab tajjeb u ngħin lit-tim kull meta nista’ u wkoll għat-tim nazzjonali. Ma nħobbx niffoka wisq ‘il bogħod allura niffoka biss fuq dan l-istaġun u x’jiġri fi tmiem l-istaġun naraw meta jasal iż-żmien.
Għaddi messaġġ finali lil dawk kollha li jixtiequ jibdew karriera ta’ suċċess fil-futbol bħal tiegħek.
Messaġġ lil dawk li jaspiraw li jsiru futbolers jew tfal żgħar ikun biex jaħdmu iebes u qatt ma jaqtgħu qalbhom, u f’kulma jagħmlu poġġu lil Alla l-ewwel għax personalment dan dejjem iżommni b’saqajja mal-art u ffukat fuq il-miri u l-ħolm tiegħi!

