Wednesday, July 24, 2024

Dejjem nemmen li l-aħjar tiegħi għadu ġej – Jeffrey Mifsud (coach ta’ Pembroke A.)

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Mit-tfulija dejjem bil-ballun, mal-ħbieb tiegħi naraw fejn se nsibu xi għalqa vojta u hemmhekk konna nqattgħu sigħat sħaħ nilagħbu. Maż-żgħożija mbagħad kelli żewġ zijiet Benny u Joe li kienu jilagħbu u allura kienu jeħduni magħhom, sakemm fl-aħħar bdejt nilgħab fl-Under 16 Youth FA.

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala kowċ ta’ Pembroke Athleta FC.

Ir-rwol tiegħi ma’ dan il-klabb huwa li jiena għandi r-responsabbiltá tal-iskwadra ewlenija, imma mbagħad irrid ukoll naħdem mal-kowċis tal-fiżika, tal-Goalkeepers, tal-Under 19, Under 17 u mal-Head Coach tan-Nursery fejn għandu x’jaqsam ma’ loġistika kif ukoll sabiex inħejji toroq għal żgħażagħ li jkunu parti mis-Senior Team. Imbagħad għandi prattikament 20 individwu kuljum li rrid naħdem magħhom sabiex inkun nista’ nipprepara lit-tim mil-lat tekniku, tattiku u fiżiku għal-logħba ta’ tmiem il-ġimgħa.

X’tikkummenta fuq l-aħħar staġun ta’ Pembroke fl-Amateur League?

Personalment nemmen li lkoll flimkien għamilna biċċa xogħol tajba. Ngħid hekk għaliex l-iskwadra tagħna kienet fost l-iżgħar bħala etá medja. Hemmhekk irid ikollok ħafna fiduċja fik innifsek u f’ta’ madwarek għaliex meta tkun ta’ etá tenera, l-atleta ma jkunx għadu mmatura kalċistikament. Xorta waħda stajna konna aħjar mir-riżultati li ġibna u ħafna drabi jekk tara riżultati biss fil-pitch, ma tkunx qed tara l-istampa kollha.

Taqbel li hemm differenza ta’ livell bejn it-timijiet ta’ fuq u dawk ta’ taħt fl-Amateur League?

L-aħħar staġun kien wieħed evidenti għaliex kellek timijiet li ramaw skwadri taċ- Challenge League imma li kienu qed jikkompetu fl-Amateur League. Differenza żgur li kien hemm għaliex iż-żewġ timijiet promossi Mtarfa u Mgarr kienu l-aħjar timijiet u meritatament rebħu l-promozzjoni.

Taħseb li l-barranin li qed jiġu mhux dejjem qed ikunu ta’ livell ikkomparati mal-plejers Maltin?

L-aħħar staġun fl-Amateur League kien hemm plejers barranin ta’ livell għoli. Jien kont fortunat li fit-tim tagħna għandna lil Weverton Gomes. Imma kien hemm ukoll barranin oħrajn ta’ livell fosthom Saldanha ta’ Birzebbugia, Mijic ta’ Mellieha, Obaje ta’ Qrendi u oħrajn.

Kemm int kuntent bil-grawnds fejn tilagħbu l-logħob tal-Amateur League?

L-ewwelnett nibda sabiex nirringrazzja lill-istaff li l-MFA ikollha fil-grawnds fejn nilagħbu. Mingħajr dawn in-nies ikun difficli li inti tipprepara għall-partiti. Irrid ngħid li b’rieda tajba minn kulħadd il-livell jista’ jitjieb bħal pereżempju dressing rooms aktar komdi, u aktar ħin bejn logħba u oħra sabiex isir ‘warming-up’ kif suppost.

X’taħseb dwar il-kontroll tar-referis fl-Amateur League?

Filwaqt li għandi relazzjoni tajba ma’ Alan Mario Sant u Chris Lautier li jieħdu ħsieb ir-referis fil-kompetizzjoni tagħna, matul l-aħħar staġun kien hemm mumenti li nħoss li ċerti uffiċjali kienu ta’ detriment għat-tim tagħna. Żgur li l-livell irid jogħla u jiġi aħjar!

Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol tiegħek u mal-futbol?

Ħafna ppjanar, ħafna sagrifiċċju u ħafna sapport mill-familja tiegħi. Mingħajr dawn it-tliet pilastri ma tistax tiffunzjona. Għalkemm il-kampjonat tagħna jissejjaħ ‘Amateur League’, aħna nittrenjaw ħames darbiet u jkollna logħba kull ġimgħa għal madwar disa’ xhur. Il-plejers ikollhom ġurnata mistrieħ, imma l-kowċ jibqa’ għaddej bil-preparamenti tiegħu għal-logħba li jkun imiss.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Il-logħba tal-futbol tatni ħafna … tferrħek u ċċekknek; biss jien persuna pożittiva u dejjem nemmen li l-aħjar tiegħi għadu ġej. L-istaġun li ġej inkomplu ma’ Pembroke!

Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li jixtiequ jagħmlu karriera fil-futbol.

Lil dawn iż-żgħażagħ jien ngħidilhom biss li jridu jkun lesti għas-sagrifiċċji li fid-dinja li qed ngħixu fiha llum għandhom ħafna xi jtellifhom. Biss jekk wieħed ikollu ħolma, irid jaħdem qatigħ sabiex jasal għaliha!

Ekonomija

Sport