Thursday, April 24, 2025

DEJN

Aqra wkoll

Hu minnu li d-dejn nazzjonali kif imkejjel skont ir-regoli tal-Unjoni Ewropea (jiġifieri bħala persentaġġ tal-kobor attwali tal-ekonomija) hu kkontrollat tajjeb ħafna, fis-sens li jinsab f’livell raġonevoli u jista’ jitmexxa bla problemi. Hi qagħda ħafna aħjar minn ta’ ħafna pajjiżi oħra membri tal-Unjoni, anke mill-kbar. Ma jqanqal l-ebda inkwiet dwar kemm fiċ-ċirkostanzi attwali huwiex sostenibbli.

Biss hu minnu wkoll li d-dejn baqa’ jiżdied b’rata regolari, pjuttost qawwija. Laqa’ għalih it-tkabbir tal-ekonomija Maltija li seħħ u għadu jseħħ b’rata li rari rajna qabel. Xejn ma juri sa issa li jista’ jsir problematiku… ħlief il-qagħda ekonomika internazzjonali. Bl-inizjattivi ma jaqtgħu xejn tal-President Amerikan Trump din qed issir dejjem aktar imċajpra. Il-mod kif il-globablizzazzjoni kienet qed tiżviluppa donnu qed jinqaleb ta’ taħt fuq bla ma ħadd jaf  x’jista’ jkun hemm minflok.

Uħud mis-sinjali qed jippuntaw lejn tnaqqis fit-tkabbir ekonomiku mad-dinja kollha, ċertu għoli fil-prezzijiet u taħwid fir-rati tal-imgħax. Huma sinjali li anke fil-qagħda xxurtjata li jinsabu fiha l-ekonomija u l-finanzi nazzjonali, jindikaw il-ħtieġa ta’ prudenza finanzjarja fiż-żmien li ġej.

MINN BRUSSELL

L-Ombudsman ta’ Brussell issottometta rapport lill-Parlament tal-belt dwar l-ilmenti li sarulu minn ċittadini li xebgħu kif meta jkollhom isolvu xi problema li jiltaqgħu magħha biex jieħdu xi servizz jew jaqdu xi dmir, jistgħu biss jitkellmu ma’ xi makna. Mhux biss ikollhom isegwu programm komplikat ta’ kif jitkellmu magħha, imma wara ħafna tidwir, jingħataw risposti li ma jindirizzawx il-problema speċifika tagħhom. Lanqas jidher li dawk li ressqu l-ilmenti kienu anzjani.

Fost l-oqsma li ssemmew fejn dan jiġri insibu tal-banek (ovvjament), tad-dipartiment tat-taxxi, u tal-housing. Fihom kollha, is-servizzi publiċi konċernati straħu kompletament fuq il-makni biex jaqdu liċ-ċittadini… li spiċċaw mhux moqdija imma frustrati. Mhijiex problema limitata għal Brussell biss.

ANTI-SEMITIŻMU

L-anti-semitiżmu dejjem kien u għadu problema gravi. Irid jiġi kontestat u mrażżan bla waqfien. U issa sar theddida doppja.

Għax hemm l-anti-semitiżmu sfiq li jrid jagħmel mill-poplu Lhudi jinsab fejn jinsab, vittma li jrid jinqered. Ma jista’ jkun hemm l-ebda waqfien fil-ħidma biex dan il-moviment jinqered għal kollox.

Fit-tieni post madankollu, il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu qed tintuża – illum l-aktar fl-Istati Uniti imma mhux biss – biex toħnoq kull radikaliżmu “xellugi”. F’isem il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu, dawk li jikkritikaw lil Iżrael, li huma favur il-ħolqien ta’ stat tal-Palestina, jew li jikkundannaw x’qed jagħmel Iżrael fil-Gaża qed jiġu preżentati bħala anti-Semiti.

Tal-aħħar mhu xejn aħjar minn sforz neo-faxxista biex iħawwad l-imħuħ. Eventwalment (diġà?) se jagħti nifs ġdid lill-anti-semitiżmu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport