Sunday, December 22, 2024

Dejn li rrid kważi sentejn biex inħallsu … ġejt bħala ‘wejter’ spiċċajt ‘ħassiel’

… kif taqbeż it-tliet snin jaraw x’jivvintaw biex itemmulek l-impjieg u jevitaw il-kuntratt indefinit

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Wegħduni li se nkun qed naħdem bħala wejter. Kif ġejt hawn  sibt realtà totalment differenti. Qaluli li dak ix-xogħol m’għadux disponibbli għalija. Spiċċajt naħdem bħala ħassiel.  Wegħduni ħlas mod u issa qed nitħallas inqas. Ippruvajt nikkuntattja lill-aġent li miegħu għamilt l-applikazzjoni fin-Nepal biex ġejt naħdem hawn. Ma irċevejt ebda risposta mingħandu.  Ninsab f’inċertezza. Bħali hawn ħafna minn sħabi. Min inġab hawn u sab li m’għandux xogħol, oħrajn inbidlilhom ix-xogħol u oħrajn jispiċċaw jibdlulhom ix-xogħol. Qegħdin naqilgħu inqas minn kemm kienu wegħduna. Biex ġejt hawn jien kelli nissellef ammont sostanzjali ta’ flus biex ħallast il-miżati lill-aġenzija biex ipproċessaw l-applikazzjoni”. Nistaqsuh dwar il-paga fin-Nepal, u jgħidilna li “fin-Nepal il-minimu hu madwar €120 fix-xahar. Meta tqis li sselift aktar minn dak li hu ekwivalenti għal €1,500, b’interessi ta’ 30 fil-mija, għandi l-ewwel kważi €2,000 li naqla’  biex inħallas dan is-self u l-imgħax. Fin-Nepal m’hemmx pensjoni għall-foqra u l-familja tiddependi minni. Ma nistax ma nibagħtilhomx il-flus biex jgħixu. Mill-paga li qed naqla għandi €250 akkomodazzjoni. Il-paga dejjem inaqqsuli minnha daqqa għal ħaġa u daqqa għal oħra. Minn l-aħħar paga kien fadalli ftit inqas minn €600.  Irrid iħallas id-dawl, it-telefon u l-internet li jinqasam bejnietna. Irrid ukoll għall-ikel. Kien fadalli €300 biex nibgħathom lill-familjari tiegħi. Spiċċajt hawn,   naħdem u bil-kemm għandi flus għalija.  Niekol bl-inqas spiża li nista’. Ninkwieta ħafna l-aktar kif se nħallas is-self li għamilt.”

Mana (isem mibdul biex nipproteġu l-identità tiegħu), tkellem fit-tul ma’ IT-TORĊA dwar il-kundizzjonijiet xejn tajbin li spiċċa jgħix fihom u ma jonqosx li jirrimarka li ħafna oħrajn qegħdin fl-istess realtà tiegħu imma jippreferu jibqgħu siktin. 

Tiltaqa’ miegħu f’akkomodazzjoni li fiha ssib kammar tas-sodda bi tlett sodod f’kull waħda. Waħda mill-kmamar li hi ftit akbar fiha erba’ sodod. Gwardarobba waħda. “Aħna ngħixu bħal aħwa hawn. Nafu lil xulxin. Ngħinu lil xulxin. Jafu li jien għadni qiegħed inħallas ċertu spejjeż li għamilt, għax l-oħrajn għaddew minnhom qabel u għalhekk għenuni anke fl-ikel.”

Tistaqsieh x’wasslu li jieħu d-deċiżjoni li jsiefer  għax-xogħol u jgħidli li “fin-Nepal, ħafna ħaddiema fosthom żgħażagħ qegħdin imorru għal xogħol barra pajjiż.  Hemm sistemi u hemm ħafna aġenziji li jgħinuek tagħmel dan. Fin-Nepal ma stajtx ngħajjex il-familja. Id-dħul kien baxx ħafna. Il-minimu tal-paga hemm, jiġi qisu €120 fix-xahar. Meta tisma offerti li se taqla €900 fix-xahar u €1,000 fix-xahar, tagħmel kuraġġ u tagħmel il-pass ‘lquddiem. Issib imma li s-sitwazzjoni mhux faċli daqskemm tkun qed taraha. Tiffaċċja mill-ewwel l-ispiża tat-tariffi. Il-Gvern tan-Nepal kien stabbilixxa miżati li għandhom jitħallsu lill-aġenziji imma dawn jitolbuk tħallas ferm aktar. Lanqas ngħoddhom l-ammont ta’ aġenziji li mort għandhom biex forsi jkun hemm tariffa irħas.”

“Tridu ix-xogħol jew ma tridux?” … ’dan ix-xogħol hawn ħafna lesti li jeħduh”

“Mal-aġenziji kont nispjegalhom li t-tariffa li kienu qegħdin jitolbu li imbagħad tkompli titla’ aktar minħabba t-testijiet mediċi u l-assigurazzjoni fost oħrajn, kienet iebsa għalija. Ħadd ma raħħasha. Kif titlobhom inaqqsuha jgħidulek f’wiċċek, ‘tridu ix-xogħol jew ma tridux? Hawn ħafna lesti li jeħduh dan ix-xogħol”. L-irħas tariffa li sibt kienet ta’ €1,300. Iddeċidejt li nagħmel il-pass. Ma kellix dawn il-flus u ssellift mingħand wieħed li konna nafu li jislef il-flus fiż-żona fejn ngħixu. Silifini b’interessi ta’ 30 fil-mija, metą normalment l-interessi fuq self bħal dan ikun ta’ 36 fil-mija jew 38 fil-mija. Prattikament għandi €2,000 x’inħallsu metą tara l-imgħax li rrid inħallas u dak li silifni. Li ġara hu li meta ġejt hawn sibt mhux se nitħallas €1,000 li wegħduni. Lanqas ħdimt ta’ wejter kif qaluli, iżda ta’ ħassiel. Il-paga naqset.  Il-paga ġieli titnaqqas ukoll daqqa għal ħaġa u daqqa għal oħra.”

‘Sħabi jgħiduli li l-bidu hu iebes’ 

Jgħidilna li “ma rridx inkun negattiv. Sħabi li ilhom hawn aktar minni qaluli li l-bidu hu iebes. Jien moħħi jaħseb fuq li għandi s-self x’inħallas, u x’se nibgħat lill-familja. Bgħattilhom €300 li minnhom iridu jibdew iħallsu dak is-self u l-imgħax.” 

Iħares lejja u jgħidli li “fin-Nepal m’hemmx ċans li jibqgħalek dawn l-ammonti ta’ flus f’idejk. Għalhekk mhux qed naqta qalbi. Qisu qlajt id-doppju ta’ xahar li kont naqla fin-Nepal.” Nitolbuh jispjegalna kif qiegħed jgħix hawn u jgħidilna li “minn paga ta’ €850, għandi €250 tal-appartament. Inwarrab €6 għalija kuljum għal ikel, xorb u bżonnijiet oħra. Bgħatt €300 lill-familti u nżomm bejn €100 u €120 għalija. Ħallejthom biex inħallas kontjiet u dak li jinqala’.” Ikompli jgħid li “dejjaqni ħafna l-fatt li għamilt kuntatt mal-aġenzija biex ngħidilha li l-paga hi aktar minn €100 inqas minn dak li kienu qaluli li se naqla.   Lanqas biss irrispondewni. Sħabi qaluli li issa la ħadu l-flus tista’ tinsa li se jirrisponduk”. 

Iqum minn bilqiegħda u jiftaħ basket li jġorr miegħu. Minnu ħareġ dokument li fih kien jgħid kemm se jaqla f’pajjiżna. Itini id-dokument u fih wieħed jista’ jara li ‘care worker’ kien indikat li se jaqla €950 fix-xahar, ħassiel €1,000 fix-xahar, xogħol fil-kostruzzjoni €1,000 u wejter €1,000. 

“Ninkwieta ukoll għax nisma’ lil sħabi jitkellmu fuq dak li huma jesperjenzaw ukoll. Problemi oħra bħal bdil f’daqqa waħda tax-xogħol. Filli qegħdin jaħdmu f’post filli jispiċċaw post ieħor.   Kien hemm min anke spiċċa bl-impjieg itterminat mingħajr ma kien jaf” jgħidilna Mana. 

Qed tidħol prattika li ħaddiema li jkunu hawn tliet snin jitwaqqfu biex ma jiġux b’kuntratt indefinit 

Intant sorsi qrib ħaddiema barranin minn pajjiżi terzi, meta tkellmu ma’ IT-TORĊA,  saħqu fuq il-bżonn li s-suq ikun regolat b’mod partikolari billi anke l-kumpaniji involuti kemm fir-reklutaġġ u anke dawk li jieħdu l-ħaddiema biex jipprovduhom lill-industrija ipoġġu madwar mejda u jfasslu regolamenti.

Jidher li prattika li dieħla sew hi dik fejn jirrigwarda ħaddiema barranin minn pajjiżi terzi li ilhom hawn tlett snin. Skont il-liġi metą ħaddiema jkunu ilhom hawn erba’ snin dawn imbagħad iridu jinqalbu għal kuntratt indefinit. Jidher li huma diversi dawk li biex dan ma jsirx, qegħdin jitterminaw ħaddiema mill-impjieg  u dan billi jsibu skuża biex jittieħdu proċeduri ta’ dixxiplina fuq affarijiet żgħar.

Ħaddiema Maċedonjani u Serbi … spiċċaw bla xogħol u jgħixu fit-triq

It-TORĊA fl-aħħar jiem stħarrġet ukoll dwar is-sitwazzjoni ta’ għadd ta’ ħaddiema Serbi u Maċedonjani, li fil-mument għaddejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli. Dawn spiċċaw twaqqfu mix-xogħol fil-kostruzzjoni u qegħdin isibuha diffiċli li jiġu impjegati minħabba ħaddiema oħra minn pajjiżi terzi li qegħdin jinġabu jaħdmu f’dan il-qasam u li l-pagi tagħhom huma inqas minn dawk li kienu jitħallsu is-Serbi u l-Maċedonjani.

Ħaddiema mis-Serbja, qalilna “li kien hawn xogħol kemm trid għalina. Qatt ma kellna problemi. Issa iffaċċjati b’realtà li inġabu ħaddiema oħra imħallsin inqas u qegħdin jitħaddmu huma. Spiċċajna infittxu x-xogħol u mhux jimpjegawna. Ninsabu f’inċertezza kbira”, qalilna ħaddiem Serb.

Maċedonjan li spiċċa jorqod barra … jitkellem fuq ir-realtà … megħjun minn anzjan Malti

Proprju fl-aħħar jiem, Maċedonjan spiċċa jorqod barra fit-triq. Kien ilu aktar minn ġimgħa, jorqod f’żoni differenti. Kien meta intefa’ quddiem blokka ta’ appartementi partikolari, li hu sab għajnuna minn anzjan Malti. Għall-bidu deher suspettuż u mhux qed jafda. Evidenti in-nuqqas ta’ indafa minn ħwejġu, hu ħa gost ħafna meta l-anzjan Malti newwillu xugaman żgħir imxarrab biex jaħseb wiċċu.

L-anzjan meta kkummenta ma’ IT-TORĊA qalilna li “fil-bidu ma bediex jafdani. Kien meta ħadtlu xugaman żgħir li beda jafdani. Għamiltu ħobża u qabadha u kiel nofsha mill-ewwel. Kien jidher li hu bil-ġuħ. In-nofs l-ieħor żammu biex jikolha aktar tard”, qalilna l-anzjan. 

L-anzjan qalilna li “jien rajt rieqed fuq it-tarġa li tagħti għall-blokk ta’ appartamenti. Kellimtu u ma tantx qisu beda jikkopera. Kif beda jafdani, spjegali kif spiċċa fit-triq. Kien jaħdem fil-kostruzzjoni. Issa imma qed isib li xogħlhom qegħdin jeħduh ħaddiema oħra. Spiċċa bla xogħol u bla flus. Dan wasslu biex beda jorqod barra”, qalilna l-anzjan.

L-istorja ta’ dan il-ħaddiem Maċedonjan, turik li tista’ tispiċċa fit-triq mingħajr qatt ma tkun għaddietlek xi ħaġa bħal din minn moħħok. Dan il-ħaddiem,  sa seba’  snin ilu kien jgħix ħajja kwieta fil-Montenegro. Ra ħafna ħaddiema imorru jaħdmu fl-Ewropa. Xi wħud minn sħabu ġew jaħdmu f’Malta. Meta kien fl-aqwa tiegħu, ta’ 30 sena, ġie hu ukoll lejn Malta. Kien fl-aħjar età biex inqandel u jagħmel il-konkos. Ħadem fix-shutters. Kien jaqla flus tajbin  biex naqsam il-kera, jiekol u jibgħat ammont ta’ flus lejn id-dar. Anki fis-sitwazzjoni diffiċli tal-pandemija kien irnexxielu jkompli għaddej. Jifforma parti minn komunità mdaqqsa li tikkonsisti minn Montenegrani u Serbi. Kien jaħdem b’kuntratt tax-xogħol u minħabba li hawn ħafna xogħol ta’ kostruzzjoni qatt m’għaddielu minn rasu li jista’ jitwaqqaf u jsibha diffiċli li jsib xogħol. Ġara  iżda li beda jkollu perjodi twal bla xogħol. Beda jsibha diffiċli jħallas is-sehem tiegħu tal-kera. Spiċċa ma jkollux flus għall-ikel. Il-kera ukoll ma setax iħallasha.  Spiċċa fit-triq. Fittex fuq li fittex anke ma ħaddiema Serbi  imma anke huma qalulu li  qegħdin fl-istess sitwazzjoni  tiegħu għax ix-xogħol li kienu jagħmlu kienu qed isir minn persuni li jitħallsu ħafna inqas minnhom.

Il-ħaddiem kien ilu sebat ijiem jorqod barra. Kien ilu ma jixrob jumejn. Kien dan l-anzjan Malti li tah l-ilma. Il-Malti staqsieh għandux bżonn xi ħaġa oħra. Talbu qmis għax li kellu kienu maħmuġa wisq. L-anzjan Malti dlonk daħal ġewwa l-appartament u ġablu qmis.

“Jien iċċekkjajtlu x’jista’ jagħmel. Qaluli li hemm unit ħdejn l-għassa tal-Imsida li jieħdu ħsieb persuni simili biex jaraw x’għandhom bżonn u anke jassistuhom. Meta għedtlu iżda qalli li ma jixtieqx imur ħdejn Għases tal-Pulizija”, qalilna l-anzjan. Ftit ħin wara dan il-ħaddiem iddeċieda li jiċċaqlaq mill-post. Meta l-anzjan ħareġ biex jerġa’ jkellmu, ma deherx aktar.

Ekonomija

Sport