Saturday, May 18, 2024

Delia jgħid li l-peak hour f’Malta saret kull siegħa

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport, il-Mobilità, l-Avjazzjoni u l-Proġetti Kapitali Adrian Delia qal li ninsabu “f’sitwazzjoni prekarja” fejn id-diskussjoni nbidlet mit-traffiku għat-traġedji.

Huwa qal dan meta dalgħodu fil-Parlament kienu qed jiġu diskussi l-estimi finanzjarji tal-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali. Delia qal li sa issa din is-sena kellna 24 fatalità fit-toroq, ‘l fuq minn 1,000 midruba u 2,000 inċident aktar meta mqabbla mas-sena ta’ qabel. 

Kompla jgħid li minn meta ġie ppreżentat il-budget sal-lum, żdiedu 1,430 karozza fit-toroq, jiġifieri 65 karozza fit-toroq kuljum. “Minflok nibdew naraw kif se ntaffu l-problema, il-Ministeru jgħidilna li jrid jara aktar karozzi fit-toroq tagħna kuljum,” kompla jgħid Delia. F’dan ir-rigward huwa żied jgħid li l-peak hour f’Malta m’għadhiex assoċċjata ma’ ċertu ħin tal-ġurnata, iżda kull siegħa. 

Qal li huwa tajjeb li jkollna cycle lanes u mezzi ta’ trasport alternattivi imma l-affarijiet iridu jsiru bil-ħsieb. Dwar il-metro, huwa qal li ma jissemma xejn fil-budget u saħaq li rridu naraw x’inhi l-aqwa sistema tat-trasport tal-massa u mil-lum nibdew naħsbu għaliha. “Għax ma tantx baqa’ żmien. Ma tantx jifilħu aktar it-toroq tagħna u n-negozji tagħna,” qal Delia. 

Ma naqasx milli jitkellem dwar l-iscooters, u enfasizza l-bżonn li jkun hemm xi tip ta’ qafas regolatorju fir-rigward ta’ dan il-mezz ta’ trasport alternattiv. “Tara garaxxijiet u bankini mblukkati bl-iscooters. X’ma jiżdidux l-inċidenti!”, qal il-kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport.

Sport