Friday, April 26, 2024

Delia jiċħad ix-xhieda ta’ Schembri li talab €50,000 biex David Casa ma jiġix elett bħala MEP

Aqra wkoll

Wara li Keith Schembri, l-eks-Chief of Staff tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, fis-seduta tal-kumpilazzjoni kontra Yorgen Fenech qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni kien mar jitlob lil Fenech €50,000 biex iwaqqaf lil David Casa milli jiġi elett bħala Membru Parlamentari għall-Parlament Ewropew, Adrian Delia ċaħaad kategorikament dan.

Fi stqarrija huwa ċaħad l-allegazzjonijiet kollha li qegħdin isiru fil-konfront tiegħu. Delia qal li huwa diġà kien għamel affidavit konfermat bil-ġurament tiegħu fil-Qorti dwar l-istess allegazzjonijiet.

Delia qal li mhux se jkun qed jikkummenta aktar f’dan l-istadju għax b’ebda mod ma jrid li jippreġudika proċeduri li għaddejjin fil-Qrati li għandhom l-għan li jinstab min kien wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Tenna li ma jistax ma jfakkarx li l-istess Keith Schembri u n-nies madwaru huma implikati fl-istess qtil, u qal li għaldaqstant Schembri qed jirrikorri għal għal gideb sfaċċat anke waqt li jkun qed jixhed taħt ġurament.

Delia temm jgħid li dan huwa attentat sfaċċat biex jitwaqqaf milli jaqdi d-dmirijiet tiegħu biex jassigura li kull min abbuża mill-pożizzjoni uffiċjali tiegħu jitressaq il-Qrati tal-Ġustizzja biex iwieġeb għal għemilu.

Sport