Min-naħa tiegħu d-deputat Nazzjonalista Adrian Delia qal li sfortunatament għandna żvantaġġi li qed inżommuhom qabel mat-turist jidħol f’pajjiżna.
Delia qal li qabel l-elezzjoni l-Ministru tas-Saħħa kien qal li se jneħħi r-restrizzjonijiet kollha wara l-elezzjoni iżda li dawn ma tneħħewx. Delia qal li l-pajjiżi kompetituri tagħna bħalma huma l-Greċja, Spanja u l-Italja diġà neħħew ir-restrizzjonijiet tal-ivjaġġar kollha.
Delia qal li mhix responsabbiltà ewlenija tal-Ministru Bartolo, iżda li huwa dmiru li jindaga għalfejn dawn ir-restrizzjonijiet qed jitħallew jgħakksu inġustament.
Tkellem dwar il-wasla tat-turist u li hawnhekk l-ewwel li jaraw toroq li fir-realtà s-sistema tal-immaniġjar tal-karozzi f’pajjiżna huwa “diżastru”. Sostna li dan huwa l-ewwel impatt tat-turist fit-toroq tagħna.
Huwa rringrazzja lill-Ministru li wara tliet snin jitkarrab, tnaddfet żona li fiha kien hemm firien li jieklu l-qtates.
Id-deputat Nazzjonalista staqsa kif qed nirreklamaw lil pajjiżna u nnota li l-gvern irid juri fejn se tkun qiegħda tmur żieda fin-nefqa ta’ miljuni ta’ ewro fir-reklamar ta’ pajjiżna.
Delia lmenta wkolll f’isem numru ta’ residenti li huma kontra l-avviż legali li skontu se jkun qiegħed idawwar lill-belt kapitali f’diskoteka. Huwa qal li sas-1:00 a.m, il-beltin u dawk it-turisti ta’ kwalità li jħallsu prezzijiet sostanzjali għal Boutique Hotels li investew eluf ta’ ewro biex jilqawhom se jkunu qed ibatu minn disturb.