Sunday, July 6, 2025

Delia jinsisti li jsiru dibattiti

Aqra wkoll

Id-Deputat Nazzjonalista u kandidat għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ddikjara pubblikament li huwa favur li jsiru dibattiti b’mod organizzat u fi spirtu ta’ kompetizzjoni pożittiva u ċivili. 

Huwa stqarr dan f’kitba fuq il-midja soċjali wara li l-ġimgħa li għaddiet, il-Kummissjoni Elettorali tal-PN ħarġet diversi regolamenti għall-kampanja elettorali għall-ħatra ta’ Kap tal-PN, li fost oħrajn jgħidu li l-intervisti jridu jkunu separatament ma’ kull kandidati prospettiv u mhux fil-forma ta’ dibattitu.

Dr Delia ddikjara li jemmen li li l-kapaċità li tiddibatti hi essenzjali għal kwalunkwe Kap ta’ partit politiku li fix-xhur li ġejjin irid ikun kapaċi juża d-dibattitu bħala xprun biex jirbaħ l-elettorat. 

Huwa żied jgħid li laqa’ wkoll l-aħbar li l-Kummissjoni Elettorali reġgħet ikkunsidrat id-divjet fuq il-ġurnalisti li jsaqsu l-mistoqsijiet li jixtiequ lilu u lil Alex Borg bħala parti mill-kampanja għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. 

Kompla billi esprima l-konvinzjoni tiegħu li din id-deċiżjoni meħuda wara lment li ressaq lill-Kummissjoni, issaħħaħ it-twemmin tal-partit fejn tidħol il-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni ħielsa.

Din id-dikjarazzjoni ta’ Adrian Delia fuq Facebook ġabet magħha bosta reazzjonijiet mill-pubbliku fejn filwaqt li kien hemm min qabel miegħu u saħaq li d-dibattitu huwa parti essenzjali biex dak li jkun ikun jista’ jagħmel l-għażla tiegħu bl-aħjar mod possibbli, oħrajn qalu li m’hemmx bżonn dibattitu biex jiġi magħżul Kap. 

Sadanittant, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) fi stqarrija li ħareġ fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, iddikjara li ma jaqbilx mar-regoli maħruġa mill-Kummissjoni Elettorali tal-PN li jirregolaw ir-relazzjoni mal-midja u l-ġurnalisti, tal-kandidati prospettivi fl-elezzjoni għall-Kap tal-Partit. 

L-IĠM qal li filwaqt li jifhem il-bżonn li tellieqa bħal din ikollha r-regoli tagħha, qatt ma jista’ jaqbel ma’ regoli li jxekklu l-ħidma tal-ġurnalisti u saħansitra jippruvaw jagħmlu sarima fuq it-tip ta’ mistoqsijiet li jistgħu jsiru.

L-IĠM qal li din mhix tellieqa li tinteressa biss lill-membri tesserati tal-PN imma għażla li tinteressa lill-pubbliku għax il-kap eventwali se jkun Kap tal-Oppożizzjoni u Prim Ministru prospettiv.

“Il-ġurnalisti, inkluż dawk impjegati mal-midja tal-partiti ewlenin, għandhom id-dmir li jistaqsu lill-kandidati prospettivi dawk il-mistqosijiet bżonnjużi biex in-nies isiru jafu aħjar lil Adrian Delia u Alex Borg; x’jemmnu, x’direzzjoni beħsiebhom jieħdu lill-PN fiha, x’relazzjoni għandhom man-negozjanti, ma’ xulxin, ma’ esponenti oħra fis-soċjetà ċivili,” tenna l-IĠM.

Għaldaqstant, l-IĠM oġġezzjona għall-kundizzjoni li ġurnalisti li jkunu se jintervistaw liż-żewġ kandidati ma jistgħux jagħmlu riferenza lejn il-kandidat l-ieħor. Oġġezzjona wkoll għall-fatt li kmamar tal-aħbarijiet jistgħu jkunu esklużi milli jagħmlu intervisti jekk ma jimxux ma’ dawn ir-regoli.

“L-IĠM joġġezzjona li l-aċċess għall-ġurnalisti indipendenti u oħrajn qed jingħalaq meta tibda it-tiġrija proprja għax l-uniku interventi se jsiru biss fuq il-midja tal-PN.

“L-IĠM joġġezzjona għal kwalunkwe ndħil li jista’ jsir fil-mod ta’ kif il-ġurnalisti jagħmlu xogħolhom. L-IĠM jitlob lill-PN idawwar ir-rotta fuq dawn ir-regoli u minflok joħloq qafas li jinkoraġġixxi d-dibattitu u l-iskambju ħieles tal-ideat billi jagħmilha iktar faċli għall-ġurnalisti li jagħmlu xogħolhom,” ittemm tgħid l-istqarrija. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport