Tuesday, October 14, 2025

DELIZZJI U TRADIZZJONIJIET GĦANDHOM JIBQGĦU

Aqra wkoll

Il-poplu tagħna xi kultant iħobb jidħol f’kontroversja. Mhux l-ewwel darba li rajna kontroversji jinħolqu anke fuq affarijiet trivjali u bla importanza. Dawn l-aħħar jiem feġġet kontroversja oħra permezz ta’ emenda għall-kostituzzjoni li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ressqet fil-Parlament dwar l-ambjent. Din il-mozzjoni m’għaddietx bil-vot kontra tal-Membri Parlamentari Laburisti li argumentaw li l-ambjent huwa importanti, b’danakollu l-istess mozzjoni kif inhi magħġuna kienet se tpoġġi f’periklu numru ta’ delizzji u tradizzjonijiet li huma parti mill-kultura rikka tagħna. 

Filwaqt li mhux se nidħlu fil-mertu u l-aġir tal-Oppożizzjoni dwar din il-mozzjoni, ma nistgħux iżda ma nikkummentawx dwar il-fatt li diversi soċjetajiet u għaqdiet ħarġu jesprimu t-tħassib u l-inkwiet tagħhom dwar li kieku din il-mozzjoni għaddiet. Min-naħa tiegħu, il-Gvern irrikonoxxa illi l-ambjent għandu jkun prijorità iżda qal li din il-mozzjoni kif tressqet ma jidhirx li kienet maħsuba sew u lanqas saret konsultazzjoni dwarha. Mhux hekk biss, imma ma nistgħux naċċettaw li jkun hemm min jibqa’ jinsisti li jimplimenta xi ħaġa, meta jaf li din jista’ jkollha effetti negattivi fuq is-soċjetà. 

Waħda minn dawn it-tradizzjonijiet li setgħet tintlaqat ħażin bil-mozzjoni, kif esprimew bosta soċjetajiet, hi l-festa Maltija. U hawn naraw kontradizzjoni għaliex filwaqt li l-UNESCO ddikjarat il-festa Maltija bħala wirt intanġibbli tal-umanità, f’Malta rridu nċekknu l-importanza tal-festa Maltija għax hekk kien se jiġri kieku l-mozzjoni tal-PN ġiet approvata mill-Parlament.

Filwaqt li aħna dejjem insistejna fuq it-titjib u l-preservazzjoni ambjentali, għax nafu li l-ambjent mhux biss għandu jkun prijorità imma għandu jibqa’ dejjem ’il fuq fl-aġenda politika nazzjonali, b’danakollu ma jfissirx li għandna nissagrifikaw xi ħaġa biex nipproteġu xi ħaġa oħra. Għandu jkun hemm bilanċ xieraq ta’ sodisfazzjon għaż-żewġ naħat tal-munita.

Il-ħtieġa li dawn id-delizzji u t-tradizzjonijiet Maltin ikomplu jissaħħu – u mhux jitnaqqru jew jonqsu – kienet manifestata b’mod mill-aktar ċar mill-kummenti ta’ bosta dilettanti, għaqdiet u anke dawk li għalihom id-delizzju li jipprattikaw ifisser ħafna. Is-sagrifiċċju li jagħmlu matul is-sena kollha, anke permezz ta’ ħidma volontarja, tagħtik x’tifhem kemm dan kollu jfisser għal dawn l-individwi.

U huwa għalhekk importanti li dawn it-tradizzjonijiet jinżammu ħajjin. Anke għaliex qed ikunu ta’ tgawdija għall-poplu b’mod inġenerali u għat-turisti li jżuru dawn il-gżejjer. U dan ukoll jixhed id-diversità tad-delizzji li jeżistu f’pajjiżna li ilhom jinżammu minn ġenerazzjoni għall-oħra. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport