Saturday, October 26, 2024

Dembska kienet konxja li se tmut waqt il-vjolenza fuqha u l-istupru

Aqra wkoll

Paulina Dembska kienet taf x’kien qed jiġrilha fil-mument meta kienet qiegħda tiġi msawta u stuprata tant li kienet konxja wkoll li se tmut. 

Xehed dan it-Tabib Forensiku Dr Mario Scerri fil-kumpilazzjoni kontra Abner Aquilina li jinsab mixli li qatel u stupra lil Dembska f’Jannar ta’ din is-sena f’Tas-Sliema.

Dr Scerri stqarr li Dembska kienet mara b’saħħitha li ssieltet mal-allegat aggressur tagħha li qabadha minn xagħarha, sawwatha u għafsilha għonqha b’mod qawwi. 

Minkejja dan l-attakk vjolenti, hija rnexxielha tikkawża xi ġrieħi fuq l-aggressur tagħha, bil-konsegwenza li kkawżatlu feriti kompatibbli ma’ dak li kien ġara.

Fil-ħin tal-kontro-eżami, ix-xhud wera lill-Avukat Stefano Filletti, li qed jidher parte civile għall-familjari tal-vittma, xi ritratti li kienu juru lil Dembska b’għadd ta’ tbenġil fuq wiċċha, sidirha u anke fuq koxxitha. Huwa kien eżaminaha meta kienet mixħuda mal-art ħdejn rampa, filwaqt li kienet bla ħwejjeġ minn qaddha ‘l isfel. 

Dr Scerri qal li l-vittma kellha ksur fl-għadam tal-għonq, okkorrenza rari li tindika li kienet ġiet applikata “pressjoni manwali laterali severa u qawwija” li wasslet biex jinqasmu x-xuffejn hekk kif l-aggressur beda jagħfas ‘l isfel fuq ħalqha. 

Spjega wkoll li kien hemm trofof ta’ xagħar il-vittma mar-railing fil-post fejn l-aggressur kien qabadha minn xagħarha u beda jiġbidha minnu. Dak il-ħin hija kienet ukoll liebsa headphones.

Fil-Qorti ħareġ ukoll li żewġ feriti fil-parti intima tagħha wrew li kienet penetrazzjoni sfurzata waqt li Dembska kienet qiegħda tissielet mal-aggressur tagħha. “Il-vittma qalgħet xebgħa tajba”, kompla jispjega Dr Scerri.

Dembska mietet b’asphyxia kkawżata minn pressjoni esterna kbira fuq l-għonq, li mblukkat il-passaġġi tan-nifs. Dr Scerri xehed ukoll li kien ra lill-allegat aggressur tagħha u sostna li kien jidher li huwa kien taħt l-effett tal-psikożi.

Tenna li huwa kien tajjeb biex jinżamm arrestat iżda mhux tajjeb biex jiġi interrogat waqt li aktar tard kienu rawh ukoll il-psikjatri. 

Il-każ ikompli. Għal Aquilina qed jidher l-Avukat Mario Mifsud. 

Sport