Saturday, May 18, 2024

“Nemmen li l-ebda sport m’għandu jkun għall-irġiel jew għan-nisa biss”

Zea Cutajar Licari - talent żagħżugħ b’futur mill-isbaħ fil-waterpolo

Aqra wkoll

Ġejja minn familja sportiva u hija player ferm importanti tat-team tan-nisa ta’ Sirens ASC. Kienet xprun ewlieni biex it-team minn San Pawl il-Baħar rebaħ il-kampjonat matul l-istaġun li għadda.

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?

Jien twelidt f’famija sportiva. Ommi u missieri, it-tnejn involuti u t-tnejn jaħdmu fl-isport. Għalhekk, l-imħabba tiegħi lejn l-isport ġiet naturali. Il-passjoni tiegħi għall-waterpolo bdiet għax ommi u l-familja tagħha kienu jilagħbu, u għalhekk trabbejt fl-ambjent ta’ dan l-isport u tal-pitches. Dejjem għoġobni l-isport u dejjem kont nieħu pjaċir bl-atmosfera tal-logħob speċjalment meta z-zijiet kienu jilagħbu.

X’tikkummenta fuq l-esperjenza tiegħek ma’ Sirens sa issa?

Bdejt il-waterpolo ma’ Marsaskala ta’ etá żgħira. Wara mort ma’ Otters fejn lgħabt mat-team ta’ taħt il-15-il sena. Ilni għal dawn l-aħħar tliet snin mislufa lil Sirens. Naħseb li bħala team dejjem ngħinu lil xulxin u din l-għaqda qed tagħti l-frott. Bħala team aħna magħqudin ħafna peress li nqattgħu ħafna ħin flimkien. Il-fatt li t-team huwa żagħżugħ jgħin ħafna għax it-team huwa mimli entużjażmu u sena wara l-oħra dejjem qed niksbu riżultati eċċellenti. Fil-fatt ma’ Sirens irbaħt darbtejn il-kampjonat tas-sajf, it-Tazza tal-President u l-Kampjonat tax-xitwa. Barra minn hekk ma’ Sirens lgħabt fl-Europa League, fejn lgħabna kontra wħud mill-aqwa timijiet fl-Ewropa. Ftit tal-ġimgħat ilu rbaħna wkoll l-ewwel  logħbiet barra l-pajjiż fit-Turbo Cup f’Barcelona fi Spanja.

… u fuq il-coach Dale Dowling?

Il-coach tagħna Dale Dowling huwa dedikat ħafna għal xogħlu. Dejjem jieħu l-ħin biex jindika x’għandu jitjieb u jagħti kas ta’ kull player. Mhux faċli li tikkontrolla team tan-nisa kollha żgħażagħ u Dale jirnexxielu jagħmel dan. Għandu passjoni kbira lejn il-logħba. Barra minn hekk, jipprepara ħafna u jieħu kull sessjoni b’serjetá kbira. Dale jgħinna nżommu il-bilanċ bejn skola u taħriġ. Barra minn hekk, il-karattru tiegħu jgħin biex kulħadd ikun kuntent. Dale jirrabja ħafna miegħi, peró naf li jirrispettani ħafna. Parti kbira mis-suċċess ta’ Sirens huwa tiegħu. Barra minn hekk, ma nistax ninsa lil Kris Montfort, Arthur Perici, Juana u Randolph Cauchi li wkoll jgħinu bis-sħiħ biex it-team jirbaħ!

X’tikkummenta fuq ir-rebħ tal-kampjonat minn Sirens matul l-istaġun li għadda?

Kien staġun kumbattut hafna. Kemm San Ġiljan kif ukoll Sliema kienu oppożizzjoni tajba ħafna. Bħala Sirens kellna wirjiet tajbin ħafna u oħrajn fejn konna minn fuq u fl-ahhar sessjoni bżajna u tlifna. F’wahda minnhom tlifna semi-finali tan-knock-out. L-aħħar logħba deċiżiva konta San Ġiljan kienet sabiha ħafna. Lgħabna quddiem pixxina mimlija nies. Logħba li kienet deċiżiva forsi bl- għaqda tagħna bħala team u x-xewqa li nirbħu. Kienet rebħa meritata u kienet konferma ta’ staġun fejn irbaħna tliet kompetizzjonijiet minn erbgħa.

Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek mat-team nazzjonali ta’ taħt is-17-il sena sa issa.

Iffurmajt parti mit-team nazzjonali ta’ taħt is-17-il sena tan-nisa meta kkompetejna f’Sibenik, il-Kroazja fil-Kampjonati Ewropej. Din kienet l-ewwel esperjenza internazzjonali għal Team Nazzjonali tal-waterpolo tan-nisa f’Kampjonat Ewropew. Mingħajr dubju, huwa unur kbir li tkun qed tirrapreżenta lil pajjiżek, speċjalment meta tkun qed tikkompeti kontra pajjiżi li għandhom livelli għoli ta’ sport u tikseb post fost l-aqwa 15 fl-Ewropa. Għalkemm kienet l-ewwel espejenza għalina, irnexxielna nirbħu kontra pajjiżi ferm ikbar minnha, u dan għalina huwa ta’ unur u kuraġġ.

X’tikkummenta fuq il-coach Anthony Farrugia?

Naħseb li l-coach tagħna Anthony Farrugia tant għandu passjoni għall-isport li jrid jara lil kulħadd igawdih. Miegħu kelli espejenza doppja għax barra li kien il-coach nazzjonali, huwa kien ukoll il-coach tieghi ma’ Otters. Il-coach Anthony Farrugia irid li l-isport jikber mhux biss fis-subien iżda wkoll fit-tfajliet u għalhekk imbotta tant biex jerġa’ jinġieb it-team nazzjonali tan-nisa u anke l-kampjonat feminili.  Għandu karattru sabiħ ħafna għax barra li jagħtina t-taħriġ, iżomm il-moral tat-team għoli. 

Kif jirnexxielek tlaħħaq mal-istudji tiegħek u mal-waterpolo?

Nipprova namministra l-ħin tiegħi tajjeb kemm jista’ jkun. Mhu faċli xejn.  Kienet is-sena tal-O levels u fl-istess ħin, kelli mmur għat-taħriġ kuljum.  Is-sistema edukattiva f’pajjiżna trid tgħin iktar lil min huwa atleta.  Hemm bżonn ta’ iktar flessibiltá. L-isport peró jgħinek tkun dixxiplinat u jien jirnexxieli nagħmel dan!  

X’tikkummenta fuq ir-riżorsi (pixxina) li fihom tittrenjaw u tilagħbu f’Malta?

Aħna fortunati ħafna li bħala Sirens għandna l-pixxina tagħna u għalhekk nistgħu nittrenjaw kuljum. Barra minn hekk, anke l-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq għandha servizzi eċċellenti. L-isport tal-waterpolo f’pajjiżna qed jikber u issa n-numru ta’ pixxini qed jiżdied ukoll. Dan l-isport ma jistax jintlagħab fil-baħar specjalment fil-kampjonat. Ma tistax inti tilgħab fil-mewġ jew mal-bram kif ġara din is-sena f’xi logħbiet.

X’tikkummenta fuq min jgħid li l-waterpolo ma jgħoddx għan-nisa iżda għall-irġiel biss?

Nemmen li l-ebda sport m’għandu jkun għall-irġiel jew għan-nisa biss. Inħoss li kulħadd kapaċi jipprova l-isport u jingħata ċans. Hija mentalitá magħluqa ħafna għal min jgħid li dan huwa sport tal-irġiel. Il-waterpolo femminili fid-dinja qed jikber u dan anke f’Malta. Ħafna clubs qed jagħmlu minn kollox biex iressqu ħafna bniet lejn il-logħba. Hemm bżonn peró li fl-iskejjel isiru wkoll lezzjonijiet tal-waterpolo sabiex ikun hemm iktar bniet li jipprattikaw il-logħba.

X’sagrifiċċji jinvolvi li tkun player tal-waterpolo?

Jeħtieġ ħafna sagrifiċċji mhux biss għalija nnifsi iżda wkoll għall-familja tiegħi. Peress li jien studenta, il-ġenituri tiegħi jrid isibu l-ħin biex jeħduni għat-taħriġ u għal-logħob tiegħi. Barra minn hekk jien insib ħafna għajnuna mill-coach tiegħi li ħafna drabi jeħodni għat-taħriġ huwa stess. Mhux hekk biss – hemm bżonn li l-ġimgħa tkun ippjanata tajjeb u eżatt. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ rqad ħafna drabi jżid l-għejja. Is-sodisfazzjon li tirbahħ, peró huwa ikbar minn hekk!

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-waterpolo?

Jien nispera li nkompli nikber f’dan l-isport. Hemm bżonn nagħmel iktar sagrifiċċji u iktar taħriġ. Determinata li nagħmel dan u anke nieħu iktar esperjenzi barra l-pajjiż. Mhux faċli, għax issa l-ħinijiet ta’ studju żgur li jkunu qed jiżdiedu, peró se nkun qed nagħmel minn kollox biex finalment nasal fejn irrid!  

Għaddi messaġġ lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-waterpolo.

Importanti li ssib il-bilanċ fil-ħajja. L-isport u l-attvitá fiżika jgħinuk biex tkun iktar b’saħħtek u dixxiplinata. Nistieden lil dawk kollha li qed jaqraw din l-intervista biex jersqu lejn il-logħba tal-waterpolo kemm jista jkun ta’ etá żgħira. Il-logħba hija sabiħa ħafna! 

Sport