Monday, October 27, 2025

Denilson Cortis … il-vjaġġ tiegħu f’Mallorca mhux biss kien suċċess sportiv, imma wkoll lezzjoni ta’ umiltà, ħidma u passjoni

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Il-ġimgħa li għaddiet kienet waħda speċjali u mimlija emozzjonijiet għal Denilson Cortis, żagħżugħ Malti li qed juri potenzjal kbir fid-dinja taż-żwiemel tat-trott. Huwa għamel l-ewwel dehra tiegħu fil-Kampjonat Ewropew għall-Apprendisti — magħruf bħala l-UET Championship for Apprentices li din is-sena sar fil-gżira sabiħa ta’ Mallorca, fiż-żewġ koros rinomati ta’ Manacor u Son Pardo.

Għal Denilson, li ilu jħoss passjoni kbira lejn iż-żwiemel u d-dixxiplina tat-trotting minn età żgħira, din kienet opportunità li qatt ma jinsa. Dan is-sit ħadlu xi kummenti wara din l-esperjenza ferm sabiħa.

“Meta sirt naf li kont se nirrappreżenta lil Malta f’dan il-kampjonat, onestament ma stajtx nemmen. Kont emozzjonat ħafna, imma fl-istess ħin ħassejt ukoll pressjoni u responsabbiltà kbira. Kont naf li kull tiġrija kienet se tkun opportunità unika biex nuru lil kulħadd li anke aħna Maltin kapaċi nikkompetu f’dan il-livell,” jgħid b’tbissima.

Denilson ġie magħżul mill-Malta Racing Club biex jirrappreżenta lill-pajjiżna f’dan l-avveniment prestiġjuż li jiġbor flimkien l-aqwa apprentisti mill-pajjiżi Ewropej kollha membri tal-Union Européenne du Trot (UET). Għalih, din ma kinitx biss kompetizzjoni sportiva, imma wkoll esperjenza ta’ tagħlim, sfida personali u opportunità biex jikkonferma l-potenzjal tiegħu fuq livell internazzjonali.

Il-kompetizzjoni inkludiet parteċipanti minn tnax-il pajjiż differenti, kollha determinati biex juru t-talent tagħhom u jikkompetu għall-unur li jissejħu l-aqwa apprentisti tal-Ewropa. Fosthom kien hemm ismijiet diġà magħrufa fix-xena Ewropea, li jagħmlu dan l-avveniment wieħed mill-aktar diffiċli fis-sena tat-trotting.

Il-livell tal-kompetizzjoni kien għoli ħafna, iżda minkejja dan, Cortis wera maturità, serjetà u dedikazzjoni li impressjonaw lil dawk kollha preżenti. F’kull ġirja deher li kien qed jipperfezzjona kull dettall: il-bidu, il-pożizzjoni, it-tħejjija tal-żiemel u l-mod kif iżomm il-kontroll taħt pressjoni.

“Il-bidu kien diffiċli ħafna għax il-koros ta’ Manacor u Son Pardo għandhom karatteristiċi differenti minn dawk ta’ Malta,” spjega Denilson. “Iżda ħadt il-pariri ta’ dawk li għandhom aktar esperjenza minni, osservajt sew lill-oħrajn u tgħallimt ħafna. Dak hu s-sabiħ f’esperjenzi bħal dawn – kull ġurnata tħallik titgħallem xi ħaġa ġdida.”

Il-prestazzjoni tiegħu laħqet il-quċċata meta spiċċa fit-tielet post fil-laqgħa ta’ Manacor, riżultat li mhux biss kien suċċess personali għalih, iżda wkoll mument ta’ kburija għall-isport tat-trotting Malti. “Meta rajt il-bandiera Maltija tidher fuq il-podju, ħassejt qalbi tħabbat bil-ferħ. Dik kienet ħolma li saret realtà,” irrimarka b’emozzjoni.

Dan ir-riżultat kien frott ta’ xogħol iebes, dixxiplina u passjoni. Kien ukoll sinjal ċar li l-apprendisti Maltin jistgħu jikkompetu ma’ dawk ta’ pajjiżi b’tradizzjoni ħafna ikbar f’dan l-isport. “Jien dejjem nemmen li jekk tagħti 100% ta’ dak li għandek, il-frott jasal. Dan it-tielet post għalija huwa biss il-bidu.”

Il-finali tal-klassifikazzjoni ġenerali rat l-apprendist Belġjan Linus Lanoo jirbaħ b’total ta’ 39 punt, segwit minn Victor S. Sundgren ta’ l-Iżvezja b’37 punt, u Lukas Strobl tal-Ġermanja b’36 punt. Għalkemm ma wasalx fuq il-podju finali, Cortis kien kuntent ħafna bil-prestazzjoni tiegħu u qal li l-esperjenza kienet ta’ valur immens.

“Il-kompetizzjoni kienet diffiċli ħafna, kull ġirja kienet sfida. Iżda kull sfida ġġib magħha tagħlim. Tgħallimt kif nittratta s-sitwazzjonijiet taħt pressjoni u kif nagħraf malajr il-karattru taż-żiemel li nkun qed insuq. Huma dawn id-dettalji li jagħmlu differenza bejn jockey tajjeb u wieħed eċċezzjonali.”

Denilson tkellem ukoll dwar il-bidu tiegħu fid-dinja tat-trotting. “Kelli biss sitt snin meta bdejt nattendi t-tlielaq ma’ missieri. Kont inħares lejn iż-żwiemel b’ammirazzjoni kbira.

Kont naf li xi darba ridt inkun hemm fuq , immexxi jien stess. L-imħabba tiegħi lejn dawn l-annimali hija naturali għax iż-żwiemel huma intelliġenti, sensittivi u jagħtuk ħafna lura jekk tifhimhom.”

Il-familja tiegħu kienet dejjem ta’ sostenn kbir. “Kien hemm ħafna mumenti fejn il-ħajja kienet diffiċli, speċjalment meta tkun qed tipprova tgħaqqad ix-xogħol, it-taħriġ u l-kompetizzjoni. Imma l-familja tiegħi dejjem emmnet fija, u dan tani s-saħħa li nkompli.”

Il-vjaġġ ta’ Cortis lejn Mallorca ma setax iseħħ mingħajr l-appoġġ ta’ dawk li jemmnu fil-potenzjal taż-żgħażagħ. Il-Malta Racing Club flimkien ma’ EquestriMalta u l-Malta Equidrome taw l-appoġġ loġistiku u finanzjarju meħtieġ biex il-parteċipazzjoni tiegħu ssir realtà. “Nixtieq nirringrazzja lil kulħadd lill-Malta Racing Club, lil EquestriMalta u lil Malta Equidrome u anke lil dawk kollha li emmnu fija. Grazzi għalihom, din l-esperjenza saret waħda possibbli u memorabbli.”

Il-Malta Racing Club, fi stqarrija, faħħar il-kisbiet ta’ Cortis u enfasizza li l-parteċipazzjoni tiegħu turi l-progress kontinwu tal-isport tat-trott f’Malta, speċjalment permezz tal-involviment dejjem akbar taż-żgħażagħ. “Il-ġejjieni tat-trott jinsab f’idejn nies bħal Denilson,” qalu r-rappreżentanti tal-Klabbs.

Wara din l-esperjenza, Denilson qed iħares ’il quddiem b’determinazzjoni. “Din ma kinitx biss kompetizzjoni għalija; kienet esperjenza edukattiva. Ħadt ħafna tagħlim minnha, kemm tekniku kif ukoll personali. Issa rrid inkompli nitjieb, nitgħallem minn kull ġirja u naħdem aktar iebes biex darba minnhom inkun fost l-aqwa fl-Ewropa.”

Il-ħolm tiegħu hu li xi darba jikkompeti fil-livell UET Elite u li jkollu l-opportunità jsuq żwiemel ta’ klassi internazzjonali. “Jien ma nafx ngħix mingħajr il-ħoss tat-trott u l-ambjent tal-istalla. Din hija l-ħajja tiegħi. Jekk tibqa’ tħobb dak li tagħmel, ir-riżultati jaslu.”

Il-vjaġġ ta’ Denilson Cortis f’Mallorca mhux biss kien suċċess sportiv, imma wkoll lezzjoni ta’ umiltà, ħidma u passjoni. Huwa wera li anke minn pajjiż żgħir bħal Malta jista’ joħroġ talent kbir, determinat u kapaċi jikkompeti ma’ l-aqwa fl-Ewropa.

“Se nibqa’ naħdem, se nibqa’ nitgħallem u fuq kollox se nibqa’ nirrappreżenta lil Malta b’kburija. Għax kull darba li nħares lejn iż-żiemel tiegħi, niftakar kemm dan l-isport jagħtini ferħ,” temm jgħid b’umiltà u sodisfazzjon Denilson Cortis.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport